Restrizzjonijiet mill-Knisja fuq ħames saċerdoti u lajċi f'sentejn minħabba abbuż sesswali

Andrew Azzopardi, il-Kap tas-Safeguarding Commission, spjega li dawn il-każijiet kollha ġew referuti lill-awtoritajiet ċivili

Andrew Azzopardi jindirizza l-Konferenza tal-Aħbarijiet
Andrew Azzopardi jindirizza l-Konferenza tal-Aħbarijiet

Fuq rakkomandazzjoni tas-Safeguarding Commission, il-Knisja imponiet restrizzjoni fuq erba’ persuni fl-2018, u restrizzjoni fuq persuna oħra fl-2019. Dawn il-każijiet, fejn l-allegazzjoni ta’ abbuż sesswali ġiet sostanzjata, kienu jinvolvu saċerdoti djoċesani, saċerdoti reliġjużi u lajċi.

Kien hemm tliet restrizzjonijiet oħra dwar abbuż fiżiku u emozzjonali, u ta’ prattika ħażina (poor practice).

Andrew Azzopardi, il-Kap tas-Safeguarding Commission, spjega li dawn il-każijiet kollha ġew referuti lill-awtoritajiet ċivili. Waqt li kien qed jippreżenta r-rapport annwali, Andrew Azzopardi spjega li l-Knisja hi proattiva billi tirrapporta l-każijiet lill-pulizija jew lis-servizzi soċjali sabiex tiżgura li l-allegazzjonijiet ta’ abbuż jiġu investigati wkoll mill-awtorità ċivili kompetenti.

Azzopardi qal li fuq inizjattiva tas-Safeguarding Commission, f’Ottubru 2020 beda jiġi offrut ċertifikat ġdid fil-Ħarsien tat-Tfal u ż-Żgħażagħ mill-Università ta’ Malta. Il-Kummissjoni ħadet din l-inizjattiva sabiex tkompli tibni kultura pożittiva ta’ ħarsien u għarfien fis-soċjetà. Il-kors tal-Università qed jiġi offrut mill-Fakultà tat-Teoloġija u l-Fakultà tal-Benessri Soċjali b’kollaborazzjoni mas-Safeguarding Commission.

Minbarra din l-inizjattiva, is-Safeguarding Commission kompliet tħarreġ l-impjegati tal-Knisja. Matul l-2018 u l-2019 tħarrġu total ta’ 966 għalliem, katekist, reliġjuż, seminarist u voluntier. Bħala parti mill-proċess mitlub bil-Liġi għall-għaqdiet li jaħdmu mal-minuri, il-Kummissjoni vverifikat li 4,451 persuna li jaħdmu fil-Knisja jissodisfaw il-kriterji mitluba biex jaħdmu mal-minuri.

Fl-2018, is-Safeguarding Commission irċeviet 19-il allegazzjoni ġdida li jinvolvu minuri u 10 li jinvolvu adulti vulnerabbli. Il-Kummissjoni kkonkludiet 17-il evalwazzjoni li jinvolvu l-minuri. Minn dawn l-ilmenti, sitta ġew sostanzjati, wieħed kien jitratta kwistjoni ta’ prattika ħażina, erbgħa kienu infondati, tnejn ma kinux sostanzjati, wieħed kien jinvolvi persuna li mhix impjegata tal-Knisja, u tlieta ġew referuti lil terzi persuni minħabba li ma kinux relatati ma’ safeguarding. Il-Kummissjoni kkonkludiet li mill-10 evalwazzjonijiet li saru ta’ adulti vulnerabbli, sebgħa minnhom ġew referuti għal terzi persuni peress li ma kinux kwistjoni ta’ safeguarding, wieħed ma kienx sostanzjat, wieħed kien infondat u l-ieħor kien kwistjoni ta’ prattika ħażina.

Fl-2019, daħlu 16-il allegazzjoni li jinvolvu minuri u tmienja li jinvolvu adulti vulnerabbli. Il-Kummissjoni kkonkludiet tmien evalwazzjonijiet li jinvolvu minuri, fejn sabet li tnejn minnhom kienu sostanzjati, tnejn ma kinux sostanzjati u wieħed fejn il-persuna ma kinitx impjegata tal-Knisja. Ilment ieħor kien jinvolvi xi ħadd li kien miet u f’żewġ ilmenti oħra ma setgħetx tiġi identifikata l-persuna minħabba nuqqas ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet tliet evalwazzjonijiet li jinvolvu adulti vulnerabbli, fejn tnejn minnhom ma ġewx sostanzjati u wieħed kien infondat.

More in Politika