'Salvajna 100,000 impjieg, għandna l-inqas rata ta' qgħad fl-UE ... magħna tafu fejn qegħdin'

Il-PM Robert Abela jgħid li aktar kemm Il-PN "jagħmel deni, aktar nwieġbu bil-ġid' u jfakkar li llum - f'nofs pandemija - il-qgħad xorta huwa aktar baxx milli kien taħt Gvern Nazzjonalista

Il-PM Robert Abela waqt id-diskors tiegħu llejla
Il-PM Robert Abela waqt id-diskors tiegħu llejla

"Kburi li salvajna 100,000 impjieg meta kien qed jitbassru 50,000 persuna bla xogħol (meta faqqgħet il-pandemija).  Kburi li ġibna aktar minn €2 biljuni f'fondi Ewropej.  Kburi li Malta kienet il-pajjiż bl-inqas rata ta' qgħad u llum - f'nofs pandemija - għandna rata ta' qgħad inqas minn meta kontu intom fil-Gvern.  Jiena meta nsiefer ngħidillhom jien Abela u minn Malta," saħaq il-Prim Ministru Abela f'battuta waħda, minn bosta,  għall-Kap tal-Oppożizzjoni.  "Iva dan huwa baġit riċiklat u j'Alla nibqgħu nirriċiklaw baġits bħal ma kellna fl-aħħar snin.  Iva, dan il-Baġit ma jaħsibx għal għada imma għall-10 snin li ġej," sostna l-Prim Ministru. 

Abela ddeskriva lill-Partit Laburista bħala "moviment tal-ħaddiem u ta' min iħaddem.  Aħna pro business u pro market u aħna open for business u l-moviment tal-ħaddiema ma jista' jkun qatt kontra min iħaddem."

"Kieku kontu kapaċi tagħmlu ġid daqs kemm kapaċi tagħmlu ħsara lanqas ħadd ma jniżżilkhom mill-Gvern," qal Abela li sostna li l-Oppożizzjoni tista' tibqa' sejra lura kemm trid "imma n-nies se jibqgħu jimxu 'l quddiem miegħi.  Kieku intom kontu fil-Gvern bħalissa kontu tobżquhom kif għamiltu meta kontu fil-Gvern lin-nies.  U aktar ma tagħmlu deni u ħsara, aktar se nwieġbu bil-ġid."

"Kburi u konvint li flimkien se nibnu futur aħjar u fi żmien qasir, waa din il-pandemija, se naslu b'rieda waħda ... dawk kollha ta' rieda tajba.  Għalhekk ħabbarna l-aqwa Baġit ta' Gvern Laburista.  Għalhekk nistgħu nħarsu lejn il-futur.  Għalhekk se nkunu Maltin b'saħħitna 'l quddiem." 

Mudell ekonomiku ta' Gvern Laburista:  'Inressqu l-investiment mhux nintaxxaw'

Huwa għamel elenku ta' miżuri li saru fl-aħħar baġits kemm dan u anke dawk li saru matul is-sena:  Żieda fiċ-Children's Allowance, pensjoni ogħla, In Work Benefit ogħla, Għjanuna Supplimentari akbar, bonus aħjar għall-pensjonanti li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni, pensjoni aħjar għall-pensjonanti tas-servizz, Vouchers, tallinja card b'xejn lil dawk ta' aktar minn 70 sena, skema aktar ġeneruża ta' First Time Buyers, Wage Supplement garantit sal-aħħar ta' Marzu u aktar. 

Huwa qal li dan il-Gvern jemmen f'mudell ekonomiku li jressaq lejn pajjiżna l-investiment mhux li jagħmel it-taxxi.  "Ta' qabilna tefgħu xkora piżijiet fuq in-nies biex ma jtellgħux id-defiċit - imma d-defiċit xorta tela'.  Aħna mhux talli għabbejnilhom il-piż lin-nies, talli qassamna aktar u aktar ġid," saħaq il-Prim Ministru.

Huwa tkellem ukoll dwar il-Wage Supplement u qal illi minn din il-miżura gawdew 100,000 ħaddiem, xi ħaġa li jgħid illi turi r-ruħ soċjali ta' Gvern Laburista. 

Huwa semma' l-miżura tal-moratorji fuq self, li jgħid illi qed tħalli €170 miljun fi bwiet in-negozju u tkellem ukoll dwar l-iskema tal-vouchers li jgħid illi swew daqslikieku ġew Malta 40,000 turist.  Semma' wkoll skemi ta' First Time Buyers u hawnhekk fakkar li waqt il-pandemija pajjiżna rresġistra bejgħ rekord ta' proprjetà.

Il-PM Abela jindirizza lill-Parlament
Il-PM Abela jindirizza lill-Parlament

"Intom lill-pensjonanti darrejtuhom bil-mediċini out of stock, aħna darrejnihom jaraw il-mediċini b'xejn fuq il-formolarju jiżdiedu. Intom darrejtuhom jistennew f'listi biex jidħlu fi djar tal-anzjani, aħna qed nagħmluhielhom aktar faċli biex jimpjegaw carer id-dar tagħhom stess," saħaq il-PM Robert Abela.

Huwa għamel ukoll referenza għall-Iskema taċ-Ċittadinanza b'Investiment (IIP) u qal illi huwa żball tal-PN li "pprova jkisser l-iskema ta' bejgħ ta' ċittadinanza, minflok prova jiddiskuti ħalli fejn hemm bżonn intejbu.  Sewwa għamilt irringrazzjajt lil dik li tmur tipprova tkisser il-programm tal-IIP (referenza għal Roberta Metsola) pero' ftakar li kif għamlet lil ta' qablek, se tagħmel lilek," qal Abela lil Grech.  

'Il-PN jemmen fis-Supretendent tas-Saħħa jew le?'

 Dwar is-Saħħa huwa qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid Kumitat li jiġi fuq is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u staqsa l-PN għandux fiduċja fis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.  Fakkar li l-Gvern preżenti qed jagħti baġit doppju lis-Sovvratendenza tas-Saħħa Pubblika. 

Huwa qal li l-ispiża fis-saħħa pubblika f'pagi irduppjat għal €331 miljun meta mqabbel mal-2013, u se tkompli tiżdied matul is-sena d-dieħla.  Abela qal li l-Gvern ħallas €111-il miljun f'allowances lill-ħaddiema tas-saħħa meta, skont hu, fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu jitħallsu €44 miljun.

Huwa staqsa x'kien jagħmel differenza l-PN kieku kien fil-Gvern waqt il-pandemija, "apparti kumitati biex jiddeċiedu li ma jiddeċiedu xejn."  Huwa appella biex ħadd ma jagħmel lis-saħħa ballun politiku u qal li suppost Grech kellu jibqa' kwarantina u ma baqax, f'liema punt qamet għagħa fil-Parlament bil-Kap tal-Oppożizzjoni jsostni li ma hu minnu xejn u qatt ma ntalab joqgħod fi kwarantina, "u jekk filkaż nistaqsu lil Charmaine Gauci ħa tgħidilna hi," sostna Bernard Grech. 

Huwa akkuża lill-Oppożizzjoni illi ma ridtix infermiera barranin u qal li llum l-qasam tas-saħħa iħaddem 5,500 ħaddiem aktar milli kien iħaddem fl-2013. 

"Jiena kuraġġuż għax għandna l-aqwa Ministru tas-Saħħa li qatt kellna f'pajjiżna, l-aqwa tobba, l-aqwa infermniera, l-aqwa Supretendent tas-Saħħa ... u malli joħroġ il-vaċċin inkunu minn tal-ewwel li jkollna d-dożi disponibbli.  Magħna taf fejn qiegħed," saħaq hekk kif qal li l-Gvern ma ddejjaqx jiddeċiedi meta wasal il-ħin tad-deċiżjonijiet. 

'Tkabbir ta' 2.4% allura kien tajjeb?'

Abela elenka dawk li sejjaħ żbalji fil-Pre-Budget Document tal-Partit Nazzjonalista, fosthom dwar it-tkabbir tal-ekonomija s-sena d-dieħla li qed ibassar tkabbir daqs dak li qed ibassar il-Gvern u aktar, meta mbagħad ilbieraħ Bernard Grech tefa' dubji dwar it-tkabbir previst mill-Gvern. 

"Ilbieraħ qalilna wkoll li l-ekonomija kienet diġa' sejra lura u li kbirna b'4.7% biss ... propjament 4.9% kibret l-ekonomija.  Allura bejn l-2008 u l-2013, tkabbir ta' 2.4% kien tajjeb?" jistaqsi Abela. 

10% tal-proġetti tal-Bank tal-Iżvilupp għandhom isiru f'Għawdex 

Dwar Għawdex il-Prim Ministru qal illi fl-2012 ir-rata ta' faqar f'Għawdex kienet iktar minn ta'  Malta, issa qal li ġiet inqas.  Fakkar li l-iskema tal-vouchers ibbenifikat ħafna minnha l-gżira Għawdxija u fakkar ukoll li ħafna ħaddiema Għawdxin ingħataw id-doppju f'dan is-suppliment. 

Qal illi ta direzzjoni biex 10% tal-proġetti li se jwettaq il-Bank tal-Iżvilupp, isiru f'Għawdex

Hu kompla jfakkar kif il-Partit Nazzjonalista kien qabel u vvota favur link permanenti bejn il-gżejjer u qal illi fl-istess dokument l-istess partit qal li hemm bżonn kontinwazzjoni tal-proġett.  "Issa qisu qed jerġa' lura ... u din id-differenza.  Li għandek Gvern li qed jiddeċiedi u Oppożizzjoni li tiddeċiedi, li  ma tiddeċidix." 

'Iva, għal min jiġi hawn b'mod irregolari  - Malta full up'

Dwar l-immigrazzjoni l-PM Abela fakkar li partiti fl-EPP  - il-familja politika li fiha jinsab il-PN fil-Parlament Ewropew - għandhom pożizzjoni aktar iebsa minn ta' pajjiżna u reġa sostna li Malta hija full up.  Hu iżda ċċara li Malta mhux full up għal dawk il-ħaddiema li qegħdin hawnhekk skont il-liġi u b'mod regolari.  "Min jiġi minn hawn b'mod irregolari - ġej minn fejn ġej - irid jintbagħat lura jew jiġi rilokat," qal Abela 

Huwa appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech biex ikollu pożizzjoni komuni miegħu dwar dan  is-suġġett. 

 

More in Politika