Repubblika tipproponi li kull min jgħix Malta 'jipparteċipa fid-demokrazija' u li partiti razzisti jiġu aboliti

L-għaqda Repubblika tipproponi wkoll li minoranzi għandu jkollhom id-dritt li jiġu impjegati f'oqsma, bħall-forzi tal-ordni

Robert Aquilina, mill-għaqda Repubblika
Robert Aquilina, mill-għaqda Repubblika

L-għaqda Repubblika nediet dokument li permezz tiegħu qed tagħmel diversi proposti fir-rigward tal-immigrazzjoni u barranin f'pajjiżna bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni mniedi mill-Gvern dwar pjan ta' azzjoni kontra r-razziżmu u l-xenofobija. 

Repubblika, fost oħrajn, qed tipproponi li kull min jgħix Malta għandu jitħalla jagħti sehemu fid-demokrazija  - għalkemm il-President tal-għaqda Robert Aquilina ma elaborax aktar dwar dan il-punt.  Repubblika qed tipproponi wkoll li kull min ilu jgħix pajjiżna għandu jkollu d-dritt awtomatiku li jsir ċittadin filwaqt li partiti li jipprofessaw il-mibgħeda għandhom ikunu aboliti.  Għalkemm ma semmihx b'ismu l-aktar partit voċiferu kontra l-immigrazzjoni f'pajjiżna huwa l-Imperium Europa mmexxi minn Normann Lowell.

L-għaqda qed tipporponi wkoll li persuni minn minoranzi għandhom ikollhom id-dritt ta' impjieg fl-armata u l-pulizija, fost oħrajn, u li dawn ikollhom ukoll spazju fuq ix-xandir nazzjonali.  Aquilina qal illi għal Repubblika hija ċara u tingħad "bla tlaqliq li ma naqblux ma' ħabs fil-baħar."

Huwa sostna wkoll li l-Gvern għandu jaħtar 'Għassies kontra r-razzizżmu' u li jinħolqu rotot siguri għall-qraba ta' dawk li qed ifittxu l-ażil.

Fil-kummenti tiegħu qabel elenka dawn il-proposti Aquilina sostna illi l-kumment tal-Prim Ministru - meta qal li għal 'full up' ma kienx qed jirreferi għal persuni li jaħdmu hawn u huma mill-UE jew pajjiżi terzi, imma għall-immigranti li jiġu bid-dgħsajjes - "huwa xi ħaġa tipika ta' diskors tal-lemin estrem." 

 

More in Politika