Il-Gvern Malti ħati ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem u jista' jispiċċa jħallas sa €1.5 miljun f'danni

Familja tiġi injorata għal snin sħaħ, tiġri wara l-Gvern Malti għal dak li huwa tagħha: Art fil-Qajjenza.  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tgħid li l-Gvern kiser id-drittijiet fundamentali ta' din il-familja Maltija, tordnalu jħallas €60,000 issa u twissih:  Jew tagħti l-art lura, jew kumpens! Iċċanfar ukoll lill-Qorti Kostituzzjonali ...

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) sabet lill-Gvern Malti ħati ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta' familja, dwar l-art fuq u ħdejn l-impjant tal-gass fil-Qajjenza, Birżebbuġa li ġiet esproprijata fl-2012 fuq art diġa' esproprijata mill-istess familja fis-snin 70 u 80.  Dan meta l-Gvern, mingħajr ma kienet taf il-familja, fl-2012 esproprija biċċtejn żgħar ta' art f'nofs art akbar li kienet diġa' meħuda mingħand l-istess familja - għal raġuni li baqgħet qatt ma ġiet spjegata u li qatt ma kienet użata għal skop pubbliku. 

Il-familja litteralment ġiet injorata diversi drabi mill-awtoritajiet Maltin, bl-ECHR tikkritika l-fatt li quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Maltija fejn kien qed jinstema' wkoll il-każ qatt ma ġie ppruvat u ħadd mix-xhieda ma setgħu jgħidu għal-liema skop ittieħdet 509 metru kwadru ta' art.

Quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ttellgħu diversi xhieda inkluż rappreżentanti tal-Lands u tal-Enemalta u ħadd minnhom ma kien jaf, speċifikament, l-iskop pubbliku tal-art li ttieħdet.  Il-familja in kwistjoni dejjem sostniet li l-509 metri kwadri ttieħdu biex jitwaqqa' l-valur tal-art, in kwistjoni.  

Fis-snin 70 u 80 Gvern Laburista esproprija kważi 9,000 metru kwadru ta' art mingħand din il-familja għall-estensjoni tal-impjant tal-LPG u bħala żona ta' buffer fil-Qajjenza.  Fl-2012, wara snin ta' battalji biex il-familja tieħu kumpens xieraq,  b'mod stramb ħafna Gvern Nazzjonalista reġa' esproprija żewġ partijiet minn din l-istess art - 509 metru kwadru u 139 metru kwadru rispettivament -  mingħajr il-kunsens tal-familja (imma skont il-liġi - ara aktar l-isfel) u  għal kumpens miżeru ta' €263.  

 Fid-dawl ta' dan l-ECHR ordnat lill-Gvern Malti jħallas €60,000 lil din il-familja fi spejjeż, kumpens u danni.  Talbitu wkoll biex jasal fi ftehim magħha dwar din l-art f'mhux aktar tliet xhur.  L-ECHR sostniet illi l-Gvern għandu żewġ għażliet (apparti li jħallas €60,000):  Jew jagħti lura l-art in kwistjoni jew jikkumpensa lill-familja għaliha, bi prezz sa issa mhux ikkontestat mill-Gvern ta' €1.5 miljun.     

Dan apparti li l-istess Qorti ċanfret lill-awtoritajiet talli ma għamlu xejn biex jirranġaw l-iżball f'din l-esproprijazzjoni matul seba' snin sħaħ ta' proċeduri ġudizzjarji.  Il-Qorti Ewropea stqarret li ftit xhur wara l-esproprijazzjoni tal-art li fiha 509 metru kwadru, l-impjant kellu jingħalaq u allura l-art setgħet faċilment ingħatat lura mill-ewwel.

 Il-Qorti tfakkar li: "Fil-kuntest ta' drittijiet tal-proprjetà, importanza partikolari għandha tingħata lill-prinċipju tal-governanza tajba.  Meta jinstab li jkun sar żball l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jieħdu azzjoni fil-ħin ġust u b'mod propizju."

 L-ECHR esprimiet tħassib dwar il-każ u qalet li qed tirriserva d-dritt li jekk ma jintlaħaqx qbil fi tliet xhur tkun hi stess li tiddetermina lill-Gvern Malti kemm ikun obbligat jagħti lil din il-familja għal din l-art.

Imma x'inhu dan il-każ eżatt?

Kif diġa' għidna dan il-każ jitratta art fil-Qajjenza, Birżebbuġa - parti minnha li għadha mhux wżata u parti li fuqha hemm il-ħażna taċ-ċilindri tal-gass - eżatt maġenb il-baħar. 

 Fl-1978 il-Gvern esproprija 5,349 metru kwadru ta' art, li se nsejħulha art A għall-fini tal-artiklu, mingħand din il-familja għall-użu ta' estensjoni tal-impjant tal-LPG operat mill-Enemalta.  Fl-1984 il-Gvern  - dak iż-żmien Gvern Laburista  - reġa' esproprja 3,985 metru kwadru ta' art, Art B,  biex isservi ta' buffer. 

Il-Gvern offra Lm 714 għal art A u Lm 610 għal art B, offerta li l-familja ma aċċettatx u għalhekk il-każ spiċċa quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ tal-Art li ddeċieda illi l-Gvern għandu jagħti Lm 953, ekwivalenti għal €2,218, għal art A u Lm800, jew ekwivalenti għal €1,863, għal art B.

Minkejja dan, kuntratt finali qatt ma sar imma l-Gvern xorta uża l-art u l-familja baqgħet b'xejn!

Talbiet injorati, sakemm ...

Wara li Malta daħlet fl-UE u b'regoli Ewropej allura l-impjant tal-Qajjenza ma setax jibqa' fil-post li jinsab fih minħabba li hu qrib ta' residenzi, li fil-fatt inbnew wara li sar l-impjant. 

Nhar l-1 ta' Diċembru 2006 il-familja kitbet lid-Dipartiment  tal-Artijiet dwar din l-art imma baqħet b'xejn, kważi sentejn wara nhar is-27 ta' Novembru 2008 reġgħu bagħtu ittra ġudizzjarja dwar il-kumpens għal din l-art u reġgħu baqgħu bla risposta.  

F'Lulju 2009 l-istess familja reġgħet bagħtet ittra oħra u reġgħet baqgħet bla risposta. 

Dan sakemm irriżulta  li fl-2012 Gvern Nazzjonalista kien esproprija biċċtejn art minn art B:  waħda ta' 509 metru kwadru u oħra ta' 139 metru kwadru.  Dan seta' jsir permezz ta' bidliet fil-liġi li daħħal l-istess Gvern li permezz tagħha art tiġi awtomatikament esporprijata lilu jekk sidien ta' dik l-art ma jopponux tali esproprijazzjoni fi zmien 21 ġurnata, li tkun notifikata fuq il-gazzetta tal-Gvern. 

Din il-proċedura ġiet ikkontestata diversi drabi f'kawżi Kostituzzjonali fil-Qorti Maltija.

Il-Gvern u kif jirriżulta mill-proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qatt ma spjega għalfejn ħa l-biċċa tal-art li hija 509 metru kwadru f'nofs art diġa' esproprijati - proprju meta l-impjant kellu jingħalaq. 

L-ECHR għalhekk ordnat li dwar l-art ta' 139 metru kwadru l-familja tingħata €40,000, tingħata €10,000 għal spejjeż morali u €10,000 oħra biex jiġu koperti spejjeż. 

Ordnat ukoll biex jintlaħaq qbil dwar il-509 metri kwadri bejn il-familja u l-Gvern fi żmien tliet xhur, inkella jkollha tintervjeni hi b'possibilità li l-każ jispiċċa quddiem il-Grand Chamber tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Innutat fid-deċiżjoni li l-Gvern qatt ma kkontesta l-€1.5 miljun f'valutazzjoni ta' perit f'isem il-familja.

More in Politika