Baġit 2021 | 'Baġit li jestendi l-għajnuna; Bżonn ta' aktar inċentivi li jħeġġu investiment ġdid'

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tilqa' ħafna mill-proposti tal-Baġit iżda tisħaq li l-baned għadhom mhux qed ikunu biżżejjed ta' għajnuna fis-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (Malta Chamber of SMEs) faħħret il-fatt li numru ta’ proposti tagħha jinsabu fil-Baġit għas-sena d-dieħla u tilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-iktar inċentivi importanti għall-Covid-19.

Fost oħrajn, il-Kamra laqgħet l-estensjoni tal-wage supplement, kif propost, sal-aħħar ta’ Marzu li ġej u li se jkun hemm sistema li tiġi adottata u li tiżgura li l-intrapriżi kollha li għandhom bżonn l-għajnuna se jirċievu din l-assistenza.

Faħħret ukoll il-miżura tal-vawċers u anke l-fatt li dawn issa se mqassam aħjar bejn is-setturi.

“Din il-miżura tkun essenzjali biex tistimula l-konsum b’effett immedjat biex tiggarantixxi l-aħjar riżultat possibbli fiż-żmien li ġej, li hu l-aktar perjodu importanti għall-ħafna setturi,” saħqet il-Kamra.

Faħħret ukoll il-fatt li l-Baġit għall-2021 se jinċentiva l-investimenti biex jgħin negozji jagħmlu t-trasformazzjonijiet diġitali u sostenibbli. 

Mill-banda l-oħra, il-Kamra appellat għal aktar inċentivi b’saħħithom fil-kuntest tal-kundizzjoni delikata li ħafna intrapriżi jinsabu fiha bħalissa.

“L-inċentivi tat-taxxa u t-tnaqqis tar-rati tal-VAT kienu jgħinu biex iżidu l-abilità li n-negozji jinvestu. Il-pass li ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħadu u li tinsab nieqsa mill-Baġit ta’ pajjiżna għall-2021. Min-naħa l-oħra, il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tinnota b’mod pożittiv li t-threshold għall-eżenzjoni mit-taxxa żdiedet minn €20,000 għal €30,000,” insistiet il-Kamra.

Qalet ukoll li l-banek għadhom mhux qed ikunu l-protagonisti kif mistenni jkunu fis-sitwazzjoni preżenti. 

“Il-banek għandhom ixammru l-kmiem u jaraw kif in-negozji jsalvaw u jkunu l-katalisti għall-investiment. In-negozji sikwit qed jirrapurtaw nuqqas ta’ appoġġ mill-banek,” temmet tgħid il-Kamra.

More in Politika