'Lest li nservi jekk niġi offrut' - Andy Ellul

Andy Ellul jgħid illi jekk il-Partit Laburista jsejjaħlu biex jieħu post Etienne Grech, hu lest li jservi

Andy Ellul, kandidat Laburista fl-elezzjoni tal-2017
Andy Ellul, kandidat Laburista fl-elezzjoni tal-2017

Andy Ellul, wiċċ familjari ħafna ma' telespettaturi tal-istazzjon ONE u anke ta' Xarabank - fejn kien ikun mistieden diversi drabi f'dibattiti ma' Bernard Grech, fost oħrajn - sostna li hu lest li jservi jekk jiġi offrut li jieħu post Etienne Grech.  Grech irriżenja minn Deputat Laburista aktar kmieni llum u peress li kien elett b'elezzjoni każwali postu jrid jimtela' permezz ta' co-option. 

Fl-elezzjoni każwali Grech u Ellul kienu viċin ħafna xulxin, sakemm eventwalment kien elett Grech. 

F'messaġġ fuq Facebook l-avukat Ellul qal illi "kif dejjem ghidt, jien lest li noffri s-servizzi tiegħi kemm għall-ġid tal-Partit Laburista, li tant inħobb, kif ukoll għal Malta tagħna."

Mhux ċar għalfejn Grech irriżenja mill-Parlament u fl-istqarrija tal-Partit Laburista ntqal biss li għamel dan għal raġunijiet personali. 

Din allura se tkun it-tieni co-option fil-Grupp Parlamentari Laburista wara li rriżenja Joseph Muscat, liema post jidher li se tkun qed tieħdu Miriam Dalli.   Għadu mhux ċar iżda min se jieħu post Etienne Grech li kien Deputat elett mir-raba' distrett, li jinkludi lil Raħal Ġdid u parti mill-Fgura.

More in Politika