Etienne Grech jirriżenja minn Deputat Parlamentari; Postu fil-Parlament jimtela' b'co-option

Dan kienet it-tieni riżenja fil-Grupp Parlamentari Laburista fi ftit żmien wara r-riżenja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Id-Deputat Laburista Etienne Grech irriżenja minn Deputat Parlamentari.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista saħaq li Grech irriżenja minħabba raġunijiet personali.

Grech kien tela' permezz ta' elezzjoni każwali fuq ir-raba' distrett u għalhekk, postu fil-Parlament jimtela' direttament permezz ta' co-option.

Dan ifisser li l-għażla dwar min se jieħu post Grech hija direttament f'idejn il-Partit Laburista.

Grech kien it-tieni Deputat li rriżenja fi ftit jiem mill-Grupp Parlamentari Laburista u dan wara r-riżenja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Anke post Muscat fil-Parlament se jkun qed imtela' bil-mekkaniżmu tal-co-option, hekk kif issa ġie kkonfermat li post l-eks Prim Ministru se tkun qed tieħdu l-Ewroparlamentari Miriam Dalli.

Intant, skont The Times of Malta, l-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana wkoll qed tinforma lil xi wħud mid-Deputati li se tkun qed tirriżenja aktar tard dan ix-xahar. 

Jekk dan iseħħ, f'xahar, il-Partit Laburista jkun introduċa tliet uċuh ġodda fil-Grupp Parlamentari tiegħu.

More in Politika