Cyrus Engerer fuq quddiem biex jieħu post Miriam Dalli fi Brussell

Cyrus Engerer fuq quddiem biex jieħu post Miriam Dalli li aċċettat illi tiġi co-opted u tieħu post Joseph Muscat fil-Parlament

Cyrus Engerer
Cyrus Engerer

Cyrus Engerer jidher illi jinsab fuq quddiem f'termini ta' voti biex jieħu post Miriam Dalli li dalgħodu kien irrappurtat fuq il-Maltatoday illi aċċettat li tkun co-opted fil-Parlament minflok Joseph Muscat li rriżenja minn Deputat tat-tieni distrett il-ġimgħa l-oħra. 

Naturalment Engerer ikun irid jitfa' ismu għal elezzjoni li issa trid issir biex jimtela' post Dalli.

Fl-elezzjoni tal-2019 Miriam Dalli kienet kisbet l-akbar numru ta' voti mill-kandidati kollha ta' din l-elezzjoni.  Fil-fatt hija kisbet 63,438 vot b'Roberta Metsola warajha imma b'ħafna inqas voti:  38,000 vot. 

Engerer kiseb 5,394 vot fl-ewwel għadd filwaqt illi wiret 2,200 vot minn Dalli li ġiet eletta mal-ewwel għadd.  

Qabel Engerer ġew eletti Alfred Sant li kiseb 26,592 vot fl-ewwel għadd u wiret 10,527 mingħand Dalli, Alex Agius Saliba li kien elett b'18,808 voti u li wiret 4,463 vot minn Miriam Dalli, filwaqt li r-raba' persuna li kienet eletta f'isem il-Partit Laburista kienet Josianne Cutajar li ġiet eletta bi 15,603 voti fl-ewwel għadd u li wirtet 5,661 vot minn Dalli  

Fir-rapport tagħha dalgħodu l-gazzetta Maltatoday qalet illi mhuwiex ċar liema portafoll jew responsabilità se tingħata Dalli fil-Gvern.

More in Politika