‘It-traffiku fil-Belt mhuwiex sostenibbli ... ħarisna lejn mudelli fi bliet Ewropej fejn karozzi fiċ-ċentru ma jidħlux’

Minn Marsamxett sal-Mall tal-Furjana. Mill-isla sal-Kalkara. Mill-Imsida sal-Pietà. L-ILLUM tiltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv tal-GHRC u miegħu tiddiskuti l-proġetti li se jirriġeneraw iż-żona importanti ta’ madwar il-Port il-Kbir

Kull min fl-aħħar snin u xhur daħal il-Belt Valletta, il-Kottonera u l-lokalitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir, żgur li seta’ jinnota x-xogħlijiet u l-proġetti kbar li saru u li qed isiru biex jagħtu d-dinjità lil dawn il-lokalitajiet li kitbu l-istorja tal-pajjiż. Matul din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM ltaqgħet ma’ Gino Cauchi, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) u tat ħarsa lejn ix-xogħlijiet li saru u l-proġetti li hemm ippjanati għax-xhur u s-snin li ġejjin.

Il-Korporazzjoni twaqqfet fis-sena 2009 bil-għan li tieħu ħsieb proġetti ta’ riġenerazzjoni fil-lokalitajiet li jmissu mal-Port il-Kbir, jiġifieri ż-żona tal-Belt, il-Kottonera, il-Marsa, il-Pietà, l-Imsida u anke Tas-Sliema.

Cauchi insista kif anke jekk il-GHRC ma tantx kienet tissemma’, kienet hi responsabbli minn proġetti kbar fil-Belt Valletta bħal dawk ta’ Pjazza Kastilja, il-Lift tal-Barrakka, ir-riġenerazzjoni tal-Forti Sant’Iermu u anke t-tlestija tal-proġett tal-Parlament. 

Aktar riċenti, kienet l-istess Korporazzjoni li ħadmet fuq il-proġett ta’ Pjazza Tritoni, taż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin (quddiem il-Phoenicia) u l-ġnien ta’ taħt id-daħla tal-Belt, fost proġetti oħra. 

Iżda x-xogħol ma waqafx mal-Belt. Anke jekk qabel l-2018, il-Belt Valletta kienet qed tingħata l-prijorità, minħabba li kellha ġġorr it-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-GHRC bdiet titfa’ wkoll ħarsitha fuq bliet u lokalitajiet oħra importanti madwar il-Port il-Kbir.

Dan ma jfissirx li qabel ma sarx xogħol barra l-Belt. Fil-fatt ta’ min isemmi li mill-2013 il-GHRC kienet ukoll involuta fil-proġett tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, bil-għan li l-proġett jitlesta mill-aktar fis.

Bħalissa l-GHRC qed taħdem fuq il-proġett tad-daħla tal-Isla, fejn apparti r-restawr tas-swar se tkun jkun qed isir riġenerazzjoni fuq il-pjazza fid-daħla tal-Belt Senglea. 

Riġenerazzjoni kbira tax-xatt tal-Kalkara

Fi żmien li ġej ukoll se jkunu qed joħorġu s-sejħat biex il-GHRC tibda taħdem fuq proġett kbir għall-Kalkara. 

“Se nirriġeneraw iż-żona kollha li tibda minn taħt l-Esplora u tibqa’ sejra mad-dawra kollha tax-xatt tal-Kalkara,” saħaq Cauchi. “Qed inħarsu lejn toroq ġodda, immaniġjar differenti tat-traffiku, promenandes ġodda, għamara ġdida u faċilitajiet ġodda. Il-pjazza se ssir ukoll pedonali. Se jkun hemm triq max-xatt iżda l-pjazza se tkun pedonali.”

Iżda l-GHRC, fil-proġetti tagħha ma tiqafx biss mal-wiċċ. Fil-fatt il-GHRC, fi proġetti bħal dak tal-Kalkara tinstalla sistemi ġodda ta’ drenaġġ, pompi, ilma, dwal u sistemi ta’ kommunikazzjoni, fejn il-wajers jitniżżlu minn mal-faċċati u jgħaddu minn taħt l-art.

“Qed nikkalkulaw li jkun proġett li jieħu madwar 18-il xahar biex ikun lest,” spjega Cauchi biex it-tieni parti ta’ dan il-proġett se jkun fuq iż-żona magħrufa bħala Tax-Xewkija (taħt is-swar fejn jinżammu dgħajjes u jottijiet).

It-tielet fażi se tkun qed issir b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta fejn se jkunu qed isiru xogħlijiet taħt is-swar tal-Birgu. Se jitkabbar il-moll u tinbena mill-ġdid it-triq li kienet sfrundat bil-grigalata ta’ sentejn ilu. Il-GHRC se tidħol biex tlesti dan il-proġett permezz tal-bankina, is-servizzi, id-dawl u l-għamara etċ.

‘Fil-Kottonera hemm potenzjal kbir turistiku u ekonomiku’

“L-idea hija li meta l-proġett kollu jkun lest, inkunu ħloqna promenade li jibda minn taħt l-Esplora, tul ix-xatt tal-Kalkara, għal taħt il-Birgu, idur għall-waterfront tal-Birgu, għall-Bormla fejn jaqsam għall-Isla u jibqa’ sejjer sal-gardjola tal-Isla.” spjega Cauchi. Fil-fatt, max-xatt tal-Isla se jkun qed jiġi installat dawl ġdid.

Kien hawn li Gino Cauchi insista li anke jekk fadal ħafna xogħol xi jsir, meta wieħed jara l-proġett ħdejn l-ieħor, isir aktar konxju tal-potenzjal kbir ekonomiku u turistiku li għandha l-Kottonera, iżda anke tal-importanza storika u l-ġmiel tagħha.

Iżda l-GHRC lanqas ma tieqaf ma’ dawn l-inħawi. Ix-xogħol tagħha tant kemm ħalla frott li ġiet fdata bil-proġett tant bżonjuż li se jibda fil-jiem li ġejjin, fil-parti magħrufa bħala il-Magħluq ta’ Marsaxlokk. Anke hawn, apparti x-xogħol ta’ tisbiħ, tħawwil ta’ siġar, parkeġġ aħjar, għamara u dwal ġodda, se jsiru s-servizzi kollha meħtieġa ġodda taħt l-art.

“Hija żona turistika ħafna imma għandna bżonn intervent massiv,” insista Cauchi.

Il-parti magħrufa bħala l-Biskuttin quddiem il-lukanda Phoenicia
Il-parti magħrufa bħala l-Biskuttin quddiem il-lukanda Phoenicia

Mid-Daħla tal-Belt sal-Mall tal-Furjana...

Ersaqna mill-ġdid lejn il-Belt Valletta, bl-ILLUM tistaqsih fuq ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa fil-Kapitali, mhux biss fiż-żoni li minnhom jgħaddi kull minn jidħol il-Belt, bħal Triq ir-Repubblika imma anke fiż-żoni residenzjali li huma tant mimlija potenzjal u importanza storika li ħafna drabi jintesew.

Qabel ma dħalna l-Belt, Cauchi jfakkarna li bħalissa l-GHRC qed twettaq ukoll proġett fuq il-Mall tal-Furjana, ġnien uniku, ippakkjat b’monumenti importanti. 

“Hekk il-GHRC tkun ħadet ħsieb mid-Daħla tal-Belt, għall-Pjazza Tritoni, il-Biskuttin u l-Mall mill-Monument tal-Indipendena sa Sarria,” spjega Cauci. 

Anke hawn, apparti li se jinbidel il-wiċċ kollu tal-ġnien, se ssir sistema ġdida ta’ dawl u minn taħt l-art se jgħaddu s-servizzi tal-irrigazzjoni, tal-kommunikazzjoni u oħrajn. Fil-mall se jinbidel il-pavimentar kollu, se jiżdiedu s-siġar, se tinbidel l-għamara u se jsir ir-restawr tal-monumenti kollha. Bħalissa beda x-xogħol fuq il-bankini madwar il-ġnien.

Riġenerazzjoni assoluta taż-żona ta’ Marsamxett

Dħalna l-Belt u bdejna nitkellmu fuq il-proġetti li għaddejin fiż-żona ta’ Marsamxett.

“Qabel l-2017, il-Gvern ġab €24 miljun biex tkun irriġenerata din iż-żona,” fakkar il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC waqt li spjega kif fl-2018 twaqqaf kumitat li kien magħmul minn diversi ministeri u entitajiet li identifikaw il-proġetti li l-GHRC kellha taħdem fuqhom biex din iż-żona terġa’ tingħata d-dinjità.

Gauci spjega kif dan il-proġett taż-żona ta’ Marsamxett kien ibbażat fuq tliet prinċipji, jiġifieri dak Kulturali, Soċjali u Ekonomiku.

Bdejna bl-element kulturali, b’Cauchi ifakkar fir-restawr li sar fuq is-swar tal-fossa tal-Belt (minn Sant’Iermu sal-pitch tal-waterpolo), is-Sally Port, il-Berġa tal-Baviera, ta’ Arogona, dik magħrufa bħala l-House of Catalunya, il-Knisja tal-Pilar, il-koppla tas-Santwarju Bażilika tal-Karmnu u madwar 16-il niċċa li jinsabu f’din in-naħa tal-Belt.

Apparti dawn, sar xogħol ta’ tisbiħ fuq iż-żona tal-Blata (taħt il-kampnar tal-Anglikani) u anke l-bankina li hemm fuq is-sur, minn Pjazza Mattia Preti sa Sant’Iermu. Anke hawn hemm is-servizzi kollha għaddejin minn taħt il-bankina. 

Ir-restawr tal-Koppla tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu
Ir-restawr tal-Koppla tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu

Żvilupp ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Belt Valletta...

Anke jekk kollox huwa importanti, żgur li l-parti soċjali ta’ dan il-proġett kienet l-aktar mistennija, anke għax minnha se jgawdu direttament ir-residenti. L-ILLUM staqsiet lil Cauchi x’kienu dawn il-proġetti li saru u li se jkunu qed isiru fix-xhur li ġejjin. 

Cauchi fakkar fi tliet binjiet li kienu proprjetà tal-Awtorità tad-Djar fi Triq il-Karmnu, liema binjiet kienu nieżla biċċiet u nbiddlu fi ħdax-il appartament għall-akkomodazzjoni soċjali. 

Simili għal dan il-proġett, saru xogħlijiet oħra fuq binjiet antiki fi Triq il-Punent, kantuniera ma’ Triq San Kristofru, liema binjiet ingħaqdu biex fihom se jilqgħu anzjani li huma indipendenti u allura kapaċi jgħixu waħedhom. 

“Mhijiex dar tal-anzjani. Se tkun bħal kumpless għall-anzjani,” spjega Cauchi. Dan il-proġett mistenni li jkun lest sal-aħħar tas-sena u se joffri madwar 22 appartament.

Binja oħra li kienet fi stat delapitat u ġiet irrestawrata tinsab viċin il-Valletta Design Cluster, liema blokka wkoll se tkun qed tfisser tliet units oħra għall-Aworità tad-Djar. 

“Din il-binja, minn ġewwa, kienet iġġarfet bil-maltempata u l-Grigalata ta’ sentejn ilu. Il-faċċata bilkemm kienet qed iżżomm. Illum hija rrestawrata, bil-faċilità ta’ lift u dalwaqt se tilqa’ fiha lir-residenti,” insista Cauchi. 

Ġiet irrestawrata binja oħra fi Triq Zekka, magħrufa bħala tal-Ispiżjar, li kienet abbandunata u bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) se jkunu qed jinħolqu tmien appartamenti oħra għall-akkomodazzjoni soċjali. 

‘Nieħdu ħsieb mhux biss l-ambjent ta’ barra imma dak li jolqot direttament lir-residenti’

“Komponent ewlieni ta’ dan il-proġett kien li nirriġeneraw mhux biss l-ambjent ta’ barra imma anke dak li jolqot direttament lir-residenti,” saħaq Cauchi. 

Fil-fatt bħalissa qed jiġu rrestawrati l-gallarijiet kollha taż-żona ta’ fuq il-Blata (li jagħtu għal fuq il-Port ta’ Marsamxett), il-kunvent tal-Karmelitani u anke l-blokok kollha ta’ Pjazza Mattia Preti, fejn se jsir xogħol mhux biss fuq il-faċċati tagħhom, iżda anke fil-komun.

“Kull fejn ikollna l-opportunità, lil dawn ir-residenti qed ninstallawlhom il-lifts,” kompla Cauchi.

Ix-xogħlijiet se jkunu qed ikomplu wkoll fl-appartamenti ta’ Triq  il-Funtana (ħdejn Sant’Iermu), fejn fost oħrajn se jkunu qed jinbidlu l-pontijiet li minn fuqhom ir-residenti jidħlu fl-appartament, biex hekk ikunu aktar jaqblu maż-żona u jitneħħew l-arkati kbar tal-ġebel li joħolqu dell kbir fit-triq u jikkawżaw ħsara fuq is-swar.

Ir-riġenerazzjoni tad-ditch tal-Belt
Ir-riġenerazzjoni tad-ditch tal-Belt

‘Inutli nirrestawraw is-swar u l-bini ... irridu nniżlu n-nies f’din in-naħa tal-Belt’

It-tielet aspett huwa dak ekonomiku. Fi kliem Cauchi, inutli jiġu rrestawrati binijiet storiċi u jinħoloq ambjent sabiħ, jekk imbagħad ma jinżlux nies u turisti lejn din iż-żona tal-Kapitali.

Għalhekk, il-pjan huwa li jsir xogħol fuq it-triq ta’ ħdejn il-baħar u biex ikun hemm aċċess, permezz ta’ lift, minn fejn tieqaf il-lanċa ta’ Tas-Sliema għal dak magħruf bħala Peacock Garden, viċin Pjazza Mattia Preti.

“Meta qed iżżid dawn il-faċilitajiet, qed tagħmilha wkoll faċli għal Maltin u t-turisti biex jidħlu l-Belt mingħajr il-karozza u anke jilħqu din il-parti sabiħa tal-Belt,” kompla jispjega Cauchi.

Fil-fatt, sal-aħħar tas-sena, mistennija tkun imnedija App avvanzata ħafna biex turist li niżel fl-inħawi ta’ Marsamxett ikun jista’ jużaha biex tiggwidawh fl-inħawi fejn mhux biss jisma’ u jaqra imma anke jara filmati dwar l-istorja tal-post.

“Jekk għaddej minn quddiem il-Knisja tal-Karmnu u sibtha magħluqa, permezz tal-App tista’ tagħmel tour virtali tagħha. Jekk turist qiegħed quddiem il-Baviera, qed jara filmati dwar dak li kien jiġri fiż-żona,” insista Cauchi. “Parti kbira mill-istorja seħħet f’din il-parti tal-Belt. Hemm potenzjal li ma kienx sfruttat.”

Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, wieħed se jkun ukoll jista’ jinnota dwal ġodda li se jagħtu d-dinjità li din iż-żona. Fost oħrajn se jkunu qed jinxtegħlu l-koppli tal-Knisja tal-Karmnu, tal-Pilar u ta’ Santu Wistin.

“Kumplimentari magħhom hemm sistema ta’ dwal avvanzata li se tixgħel is-swar, it-triq u anke l-bini storiku fiż-żona ta’ Marsamxett,” saħaq Cauchi. 

Hemm proġetti oħra ppjanati għal din iż-żona, fosthom proġett li se jkun qed itella’ n-nies fuq il-kampnar tas-Santwarju tal-Karmnu u anke proġett għal Pjazza Indipendenza fejn anke jekk mhux se jitneħħa l-parkeġġ, il-pjazza se tkun pavimentata.

“Din iż-żona se tkun riġenerata totalment. Sal-aħħar tas-sena se jkunu lesti ħafna mill-proġetti. Xogħol ieħor fuq il-bini se jkun lest is-sena d-dieħla biex imbagħad isiru l-aħħar xogħlijiet fuq il-pjazez u t-toroq pedonali fejn apparti servizzi ġodda se jiġu ppavimentati mill-ġdid,” kompla Cauchi. 

Il-Funtana Tritoni
Il-Funtana Tritoni

Investiment qawwi fil-Belt Valletta u lilhinn...anke fl-Imsidau

L-ILLUM staqsiet lil Cauchi kemm kien dan l-investiment kollu li sar fl-aħħar snin fil-Belt Valletta, bil-Kap Eżekuttiv tal-GHRC jisħaq li kien wieħed kbir.

Spjega kif biss biss, il-Proġett tad-Daħla tal-Belt se jkun sar b’investiment ta’ madwar €90 miljun. Fuq Marsamxett, apparti €24 miljun f’Fondi Ewropej, kienu allokati madwar €15-il miljun ta’ fondi lokali.

Lilhinn mill-Belt Valletta, Cauchi spjega kif se jsir xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq ix-xatt tal-Imsida u anke tal-Pietà.

“Kollha proġetti sbieħ, għandhom sfidi enormi. Imma anke jekk xi drabi x-xogħlijiet joħolqu inkonvenjent, dejjem bqajt impressjonat bil-koperazzjoni li sibna mir-residenti,” insista Cauchi.

Kien hawn li fakkar lir-residenti illi wara li l-GHRC tlesti l-proġetti, ir-responsabbilità hija f’idejhom biex jieħdu ħsieb l-ambjent li fih huma jgħixu.

Mill-kirjiet għall-immaniġjar tat-traffiku fil-Belt ... sfidi li jridu jiġu indirizzati

Ma’ Cauchi tkellimna wkoll dwar il-fatt li anke jekk dawn il-proġetti qed jiġġeneraw u jagħtu ambjent ġdid u dinjituż lil dawn il-lokalitajiet storiċi, il-valur tal-proprjetajiet u l-kirjiet kull ma jmur qed jiżdied u r-residenti qed jonqsu.

“Din waħda mill-affarijiet li toħloq xettiċiżmu fir-residenti. Jieħdu gost jaraw li wara snin minsija, iż-żona tagħhom qed tingħata l-importanza imma jibżgħu li l-progress se jġib miegħu diffikultajiet,” saħaq Cauchi. “Hija sitwazzjoni reali. Anke fil-Kottonera. Nifhem li r-residenti huma mħassba. Trid tiġi indirizzata.”

Sfida oħra li fi kliem Cauchi trid tiġi indirizzata, anke biex tikkumplimenta x-xogħol li qed isir, huwa l-immaniġjar tat-traffiku fil-Belt.

“Hemm pjanijiet li ma’ entitajiet oħra ħarisna lejhom,” qal Cauchi. Spjega kif Transport Malta qed tħares lejn servizz bil-baħar li jkollu aktar minn waqfa waħda biex jilħaq postijiet differenti.

Id-dwal fid-daħla tal-Belt Valletta
Id-dwal fid-daħla tal-Belt Valletta

‘It-traffiku fil-Belt mhux sostenibbli ... karozzi fiċ-ċentru ma għandhomx jidħlu’

“L-ammont ta’ traffiku li jidħol il-Belt mhuwiex sostenibbli, fosthom anke minħabba s-saħħa tar-residenti Beltin. Ftit huma konxji dwar dan,” kompla Cauchi. Saħaq li l-GHRC ħarset lejn mudelli implimentati fi bliet oħra Ewropej fejn karozzi fiċ-ċentru tagħhom ma jidħlux.

“Għalfejn bliet metropolitani bħal dawn jagħmluha u aħna mhux kapaċi nagħmluha f’Belt żgħira? Nemmen li r-residenti għandhom ikollhom aċċess imma rridu nassiguraw li jkunu vera residenti,” insista Cauchi. “Wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn dan il-mudell. Ma nistgħux ma nagħtux kasha. Ma jagħmilx sens li aħna nonfqu miljuni u mbagħad jgħaddilek vann jew trakk u jqaċċatlek niċċa jew ikissirlek bankina. Ma nistax nifhem għaliex meta nkunu msiefra nimxu kilometri biex naraw pjazza jew nieklu f’ristorant u meta nidħlu l-Belt irridu nipparkjaw wara r-ristorant.”

Kien hawn li Cauchi temm jisħaq li jeħtieġ jittieħdu d-deċiżjonijiet li anke jekk illum jistgħu joqorsu fil-laħam il-ħaj, se jħallu l-frott fi ftit snin.

More in Politika