Anke David Agius jiddikjara li se jkompli jservi bħala Viċi Kap ma' Bernard Grech

Agius insista li lbieraħ kellu laqgħa privata ma' Grech u anke attenda għal żewġ laqgħat importanti tal-Eżekuttiv u l-Grupp Parlamentari

Id-Deputat Nazzjonalista David Aguis iddikjara wkoll li bħal Robert Arrigo, lest jibqa' jservi bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista anke ma' Bernard Grech bħala Kap Nazzjonalista.

Grech kiteb dan fuq Facebook wara li s-sit illum.com.mt talbu reazzjoni għar-rebħa ta' Grech u anke jiddikjara, kif għamel Arrigo, jekk hux se jkun qed jibqa' Viċi Kap.

David Agius insista li lbieraħ kellu laqgħa privata ma' Bernard Grech. "Nistqarr li kienet laqgħa pożittiva u li tħares 'il quddiem għal aktar ħidma sfiqa flimkien għall-ġid tal-partit u l-pajjiż," insista Agius.

Waqt li saħaq li l-ħidma tiegħu kompliet fil-Parlament, insista li attenda wkoll il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN u aktar tard anke għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Anke dawn iddeskrivihom bħala laqgħat pożittivi u produttivi.

Insista li qed iwiegħed lealtà lejn il-Kap il-ġdid u aktar ħidma bħala Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament.

"Se nibqa' nservi u nistinka b'enerġija u b'lealtà biex dan il-Partit ikun Gvern alternattiv u sod għal Malta u mill-ġdid isir l-għażla naturali tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin," insista. 

More in Politika