Aġġornata | Bernard Grech ikaxkar fil-voti ... jikseb 12,663 vot jew 69.3%

Bernard Grech jirbaħ l-elezzjoni għall-Kap Nazzjonalista b'distakk kbir ta' 7,011-il vot

Bernard Grech, Kap tal-Partit Nazzjonalista ġdid
Bernard Grech, Kap tal-Partit Nazzjonalista ġdid

Bernard Grech se jkun il-Kap Nazzjonalista li jmiss f'rebħa kbira favurih u kontra Adrian Delia. 

Delia kiseb b'kollox 5,622 vot mill-18,378 mitfugħa - jiġifieri  30.7%, filwaqt li Bernard Grech kiseb 12,663 jew inkella 69.3% tal-voti tat-tesserati, distakk kbir ta' 7,011-il vot favur l-avukat Bernard Grech li issa se jsir id-disa' Kap tal-PN. 

Grazzi minn qalbi. Illejla flimkien għamilna l-ewwel pass. Pass biex dan il-Partit verament ngħaqqduh, inġedduh u...

Posted by Bernard Grech on Saturday, October 3, 2020

77 vot kien invalidu. 

Din hija rebħa ferm ikbar minn ta' Delia fl-2017 meta kien rebaħ b'53%.

'Il-ħidma vera tibda minn issa' - Bernard Grech

Fl-ewwel kummenti tiegħu Grech irringrazzja lit-tesserati u qal li dan tal-lum huwa l-ewwel pass.  "Pass biex dan il-Partit verament ngħaqqduh, inġedduh u flimkien - nirnexxu. Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil kull min għamel dan ir-riżultat possibli."

"Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kollega Adrian Delia, ninsab ċert anke hu se jibqa’ jagħti sehmu għall-ġid tal-Partit minn issa ‘l quddiem."
"Il-ħidma vera tibda issa," temm jgħid Bernard Grech.

Adrian Delia intant f'messaġġ sostna li hu se jibqa' jaħdem għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista u li se jirrispetta l-vot tat-tesserati u allura kkonċeda għat-telfa.  Fil-messaġġ illi fih ikkonċeda Delia qal ħeġġeġ biex il-PN jaħdem "flimkien biex insaħħu lill-partit tagħna f’għeluq tal-140 sena tiegħu. Mhux biss għal ġid tal-partit tagħna stess imma għal-ġid ta’ pajjiżna."

"Minn għada stess jien se naħdem iktar minn qatt qabel għal partit li ngħożż u l-pajjiż li nħobb." Waqt konferenza Delia wkoll wiegfħed il-lealtà u l-appoġġ tiegħu lill-Kap il-ġdid Nazzjonalista u lill-PN (ara filmat)

Aktar Kmieni:  Il-votazzjoni globali għal din l-elezzjoni kienet ta' 85% ta' dawk kollha eliġibbli jew inkella 18,378 tesserat minn 21,607 tesserat eliġibbli.  Fl-aħħar elezzjoni għal Kap Nazzjonalista ivvutaw 76%.

L-aktar li vvutaw tesserati kien fis-Swieqi - li jinkludi wkoll Tal-braġġ, Madliena, San Ġiljan u Pembroke - fejn  b'kollox tefgħu l-vot 959 mill-1,077 tesserat eliġibbli.  Wara, bi kważi 88% Ta' Xbiex u l-Gżira, fejn vvutaw 366 mill-416-il tesserat u warajhom Ħal Balzan, Ħ'Attard u Ħal Lija fejn ivvutaw 1,094 minn 1,238 tesserat jew inkella 88.4%. 

Fil-lokalità ta' Tas-Sliema vvutaw 84.5% tal-1,288 tesserat  - jiġifieri 1,088  - filwaqt illi f'Għawdex ivvutaw 87.8% tal-1,719-il tesserat, jiġifieri 1,510.  Fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar  - li huma parti kbira mit-12-il distrett, ivvutaw b'kollox 1,232 minn 1,461 tesserat jew 84.3%. 

Fin-Naxxar  - li jinkludi wkoll il-Mosta u l-Għargħur - ivvutaw 1,566 tesserat minn 1,835 jew 85.3% tat-tesserati.

It-tramuntana tal-pajjiż mistennija tappoġġja aktar lil Grech, bin-numri interni juru lil Grech b'saħħtu mit-tmien distrett 'il fuq, speċjalment fit-12 u t-13-il distrett. 

Minn naħa l-oħra fil-kaxxi fejn Delia mistenni jkollu maġġoranza jew vot qawwi ħafna, vvutaw ukoll aktar minn 80% imma inqas mill-medja ta' 85%. Fl-Isla li tinkludi wkoll Bormla, il-Birgu, Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra ivvutaw 946 mill-1,107 tesserati eliġibbli jew 85.4%.  Dan filwaqt illi fiż-Żejtun li tinkludi wkoll lil Ħal Għaxaq u l-Gudja vvutaw b'kollox 630 minn 744 tesserat eliġibbli jew 84.6%. 

Fiż-Żurrieq ivvutaw 1,071 tesserat minn 1,038 tesserat jew inkella 81.8% - l-inqas kaxxa li vvutaw fiha tesserati f'termini perċentwali.

More in Politika