Il-Gozo Channel tappella għal għajnuna finanzjarja biex tilqa' għat-telf ikkawżat mill-pandemija

Iċ-Chairperson tal-Gozo Channel għamel dan l-appell lill-Prim Ministru waqt laqgħa tal-Kabinett f'Għawdex

Iċ-Chairperson tal-Gozo Channel, Joe Cordina, saħaq li l-kumpanija se jkollha bżonn għajnuna finanzjarja diretta mill-Gvern biex tkun tista’ tagħmel tajjeb għat-telf li għamlet minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Cordina wera t-tħassib tiegħu dwar l-effett li pandemija kellha fuq il-Gozo Channell waqt laqgħa tal-Kabinett li saret Għawdex.

Huwa fakkar li r-regolamenti li jillimitaw l-għadd ta’ passiġġieri fuq il-vapur qed ifissru li l-vapuri mhux qed jgħabbu daqs kemm jesgħu.

“Għandna bżonn għajnuna tajba min-naħa tas-shareholders,” insista waqt li ħeġġeġ lill-Gvern biex ma jdumx ma jieħu deċiżjoni dwar ir-raba’ vapur, li bħalissa huwa mikri għal perjodu definit mingħand kumpanija Griega.

Huwa kien wieħed minn diversi stakeholders Għawdxin li indirizzaw lill-Ministri waqt l-ewwel laqgħa tal-kabinett f’Għawdex minn kemm ilu li sar Prim Ministru Robert Abela.

Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-turiżmu, it-tkabbir ekonomiku u l-ambjent.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru insista li Għawdex se jibqa’ prijorita għall-politika tal-Gvern.

“Din hija l-ewwel laqgħa tal-Kabinett ta’ din l-amministrazzjoni f’Għawdex iżda żgur mhux tal-aħħar,” saħaq.

More in Politika