Il-kejl tal-faqar: Analiżi tan-numri fir-rapport SILC

Mark Musu’, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, janalizza ċ-ċifri li ħarġu fir-rapport EU-SILC li jitratta l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'pajjiżna ...

Mhux faċli li wieħed ikejjel il-faqar f’pajjiż.  Minkejja li nħolqu diversi tipi ta’ kejl, xorta tibqa’  id-diffikultà biex tinkiseb stampa ċara abbażi ta’ kejl partikulari.  Hemm dawk marbuta mal-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli li jiffukaw fuq il-faqar estrem, għal dawk li jiffukaw fuq faqar relattiv u ċaħda materjali. Għalhekk l-aktar indikatur użat minn agenziji internazzjonali, speċjalment f’pajjiżi żviluppati, huwa dak li jqis ir-riskju tal-faqar jew l-eskluzjoni soċjali. Dan għaliex jiġbor fih elementi ewlenin, li għalkemm waħedhom ma’ jagħtux stampa sħiħa tax-xejra tal-faqar, magħquda flimkien iservu ta’ indikatur importanti tal-faqar relattiv, cioe kif tikkompara kull persuna f’pajjiż mal-kumplament tal-popolazzjoni.

It-tliet indikaturi tal-faqar

Dawn l-indikaturi huma tlieta.

Hemm dak li jqis ir-rata tar-riskju tal-faqar msejsa fuq ċifri dwar id-dħul disponibbli tal-persuni li minnu imbgħad jinstilet id-dħul medjan ekwivalizzat nazzjonali u konsegwenzjalment il-livell (60%) li min jaqa’ taħtu ikun meqjus f’‘riskju ta’ faqar’.  Tintuża din it-terminoloġija (mhux biss mill-NSO iżda mill-Eurostat ukoll fost oħrajn) għaliex minnu nnifsu dan l-indikatur ma jimplikax jekk wieħed hux sinjur jew fqir, iżda d-dħul ekwivalizzat ta’ wieħed kif jikkompara meta mqabbel mad-dħul ekwivalizzat taċ-ċittadini l-oħra fil-pajjiż, li allura mhux neċessarjament jimplika livell ta’ għajxien baxx.  Aktar ‘il quddiem se nispjega x’tfisser ‘ekwivalizzat’.

It-tieni element huwa dak li jqabbel kemm xhur ħadmu l-membri ta’ familja fl-eta’ li jistgħu jaħdmu mat-total ta’ xhur li setgħu fil-fatt ħadmu. Persuna titqies li għandha ntensita’ baxxa ta’ xogħol jekk tkun tgħix f’familja li l-intensita’ ta’ ħidma tagħha tkun anqas minn rata ta’ 0.2.

It-tielet element huwa dak li jqis l-għadd ta’ persuni mċaħħda materjalment u severament. Dawn iċ-ċifri jinġabru permezz ta’ kwestjonarju li jintbagħat fid-djar u li jkun fih 9 mistoqsijiet dwar kemm jistgħu jlaħħqu mal-ħajja.   Jekk fir-rispons tagħhom dwar mill-anqas 4 mill-mistoqsijiet tkun fin-neġattiv huma jitqiesu li huma mċaħħda materjalment severament.  Jekk iwieġbu 3 fin-negattiv jitqiesu imċaħħda materjalment   Fost affarijiet oħra, l-istħarriġ jgħarbel kemm familja tkun tħoss li tista tlaħħaq ma’ spejjeż li jfeġġu għall-għarrieda, jekk tħossx li tiflah tħallas għal btala ta’ ġimgħa lil hinn minn darha u jekk tħossx li tiflaħ tħallas fil-ħin għal kirjiet jew pagamenti fuq self kif ukoll ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Dawn iċ-ċifri jiġu aġġornati kull sena mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika permezz ta’ stħarriġ (SILC) li jsir fost residenti f’Malta u Għawdex skont kriterji mfassla mill-Unjoni Ewropeja.  L-aħħar ċifri ippublikati mill-NSO kienu msejsa fuq tagħrif miġbur fl-2019  fost aktar minn 4,000 familja, iżda dawk dwar id-dħul tal-familji huma abbażi tad-dħul fl-2018. 

Dawk f'riskju ta' faqar naqsu b'4% mill-2013 : Minn 24% għal 20% 

Skont dawn iċ-ċifri l-għadd ta’ persuni meqjusa f’riskju ta’ faqar jew eskluzjoni soċjali fl-2019 kien ta’ 97,000 (minn popolazzjoni ta’ 484,000) jew 20.1%.  Fuq medda ta’ seba’ snin niżel minn 102,000 (minn popolazzjoni fl-2013 ta’ 429,000) jew 24%.  Dan juri li filwaqt li l-popolazzjoni żdiedet b’55,000 ruħ, l-għadd ta’ persuni meqjusa f’riskju ta’ faqar jew eskluzjoni soċjali naqas b’5,000.  Kieku l-popolazzjoni baqgħet kif kienet fl-2013, dan in-numru kien jinżel għal 86,000 jew tnaqqis ta’ 16,000 persuna.  Dan għaliex ir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali effettivament naqas b’4 punti perċentwali mill-2013 ‘l hawn minn 24% għal 20.1%.  U dan ma jfissirx li l-popolazzjoni qed tikber b’nies fqar iżda l-perċentaġġi imsemmija iridu jinħadmu fuq popolazzjoni akbar.

Tant hu hekk li fl-istess perjodu d-dħul medju disponnibbli tal-familji f’Malta żdied b’aktar minn €5,000 għal €28,500, €675 minnhom fl-2018.   Din iż-żieda qawwija wasslet biex il-proporzjon tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar, jiġifieri li d-dħul ekwivalizzat tagħhom huwa anqas minn 60% tad-dħul medjan ekwivalizzat nazzjonali jew €9,212, minn sena għall-oħra żdied marġinalment b’0.3% minn 16.8 għal 17.1%.

X’ifisser dan?  Dan MA JFISSIRX li fl-2019 (ibbażat fuq id-dħul fl-2018) kellna 17.1% tal-popolazzjoni li kellhom dħul ta’ anqas minn €9,212 kif sfortunatament il-medja u ċertu opinjonisti jikkummentaw bi żball. Il-kejl tad-€9,212 jirreferi għall-ewwel adult fil-familja.  Kull membru addizzjonali fil-familja jingħata ‘piż’ li jvarja minn 0.5 (għal persuni ta’ 14-il sena jew aktar) għal 0.3 (għal persuni taħt l-14-il sena).

Mela filwaqt li l-‘piż’ ta’ persuna adulta tgħix waħidha huwa 1.0, ta’ koppja adulta huwa 1.5, ta’ single-parent b’żewġt itfal zgħar huwa 1.6, ta’ koppja b’żewġt itfal zgħar huwa 2.1 u ta’ koppja b’żewġt itfal ta’ 14-il sena jew aktar huwa 2.5.  Aktar ma hemm membri fil-familja, akbar se jkun il-‘piż’ mogħti.

Fl-2013 il-linja tas-60% kienet tammonta għal €7,672 waqt li fl-2018 din telgħet għal €9,212, żieda ta’ €1,540. Dan ovvjament żdied għax żdied sostanzjalment il-livell tal-għixien

Dan ifisser li biex persuna adulta tgħix waħidha ma titqiesx f’riskju ta’ faqar fl-2018 ried ikollha iva dħul ta’ aktar minn €9,212, iżda biex koppja adulta ma titqiesx f’riskju ta’ faqar id-dħul tagħha ried jaqbeż €13,818 (€9,212 immultiplikat b’1.5 cioe ekwivalizzat skont il-‘piż’ tal-famija).  Bl-istess mod biex single-parent b’żewġt itfal zgħar ma titqiesx f’riskju ta’ faqar fl-2018 ried ikollha dħul li jaqbeż €14,739, koppja b’żewġt itfal zgħar ried ikollha dħul ta’ aktar minn €19,345 waq li koppja b’żewġt itfal ta’ 14-il sena jew aktar ried ikollha dħul li jaqbeż €23,030.  Altru milli dawn in-nies kellhom dħul ta’ anqas minn €9,212.  U jekk familja ta’ 4 jew 5 ikollha dħul medju li iżda jaqa’ taħt is-60%, l-4 jew 5 membri tagħha jgħoddu kollha man-numru ta’ persuni totali (inkluż it-tfal).

Il-paradoss fl-indikatur tal-faqar

Il-paradoss ta’ l-indikatur tar-riskju tal-faqar huwa li dan ma jkejjilx jekk bid-dħul imsemmi fuq skont il-komposizzjoni tal-familja, tali familji jgħixux b’mod diċenti iżda kif tali dħul jikkompara mad-dħul medjan ekwivalizzat tal-popolazzjoni. Dan iwassal biex meta pajjiż ikun sejjer tajjeb u l-livell tal-għixien f’dak il-pajjiż b’mod ġenerali ikun qed jgħola konsistentament, miegħu jgħolli l-indikatur tas-60%.  U jekk pajjiż ikun sejjer ħażin u l-livell tal-għixien jonqos, miegħu jonqos il-livell tas-60% li jfisser li skont dan l-indikatur ikun qed jonqos ir-riskju tal-faqar meta l-popolazzjoni kollha tkun sejra ħażin!

Fil-fatt kieku il-livell tal-għixien ta’ pajjiżna baqa’ fl-istess livell tal-2013, jiġifieri meta d-dħul disponsibbli medju ta’ kull persuna kien ta’ €5,000 anqas mill-2018, kieku llum hawn 42,000 persuna biss li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx is-60%.  Dan joħroġ mill-fatt li fl-2013 il-linja tas-60% kienet tammonta għal €7,672 waqt li fl-2018 din telgħet għal €9,212, żieda ta’ €1,540.  Dan ovvjament żdied għax żdied sostanzjalment il-livell tal-għixien b’mod ġenerali u d-dħul disponibbli tal-familji.

'Ma jreġix l-argument li l-ġid mhux jasal għand kulħadd'

L-argument li spiss isir li l-ġid li qed jinħoloq mhux jasal għand kulħadd ma jreġix meta wieħed iħares lejn dik li hija ċaħda materjali.  Ir-rata ta’ dawk mċaħħda materjalment niżlet minn 19.9% fl-2013 għal 8.4% is-sena l-oħra – tnaqqis ta’ aktar minn nofs fl-għadd ta’ persuni għal 40,731 jew tnaqqis ta’ 11.5 punti perċentwali.  Dik li hija ċaħda materjali severa, it-tnaqqis kien qawwi ukoll.  L-għadd ta’ persuni hawn niżel minn 42,200 fl-2013 għal 17,500 – tnaqqis ta’ 6.6 punti perċentwali jew kważi 25,000 persuna.

Intant l-istatistika ndikat ukoll li kompla jonqos il-proporzjon ta’ familji li huma f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għax mhumiex qed jaħdmu jew li jaħdmu numru limitat ta’ sigħat.  Minn sena għall-oħra dan naqas minn 5.5% għal 4.9%.

Dan it-titjib kien dovut l-aktar għal progress ekonomiku u finanzjarju fil-pajjiż f’dawn l-aħħar snin li wassal ghat-tkabbir fl-impjiegi, speċjalment fost in-nisa, u żidiet fil-pagi u salarji, inkluz dik tal-paga minima nazzjonali.  B’hekk żdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol, l-qgħad niżel għall-anqas livelli li qatt gew reġistrati (fil-perjodu ta’ qabel il-Covid) u naqset sew id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali fejn illum hemm anqas minn nofs ta’ dawk li kienu jgħixu bil-benefiċċji soċjali 7 snin ilu.

L-indikaturi qed juruna li għad baqa xi jsir biex jintlaħaq kulħadd, speċjalment dawk ta’ ‘l fuq minn 65 sena u mhux biss, iżda ċertament sar progress enormi fl-aħħar snin u qed jintlaħqu ferm aktar nies milli kien qed jiġri sa ftit tas-snin ilu.  Dan għaliex mingħajr ma’ żdied il-piż tat-taxxi,  issaħħu l-benefiċċji soċjali b’sostenn għall-familji u uliedhom, il-vulnerabli, persuni b’diżabilita’  u pensjonanti.  Ġew varati miżuri msejjsa fuq il-prinċipju li bix-xogħol jaqbillek li komplew jaghtu spinta biex aktar persuni jinfatmu mid-dipendenza fuq l-għajnuna soċjali,  jsibu mpjieg u jkollhom aktar flus disponibbli għalihom u l-familji tagħhom.

Din il-ħidma ċertament li se tkompli fis-snin li ġejjin biex aktar nies jiġu mgħejjuna.

More in Politika