ACE tilqa’ l-proposta tal-PN dwar tnaqqis tal-VAT għal 7% fuq ir-ristoranti

L-assoċjazzjoni tal-catering qalet li diġà qed isiru diskussjonijiet mal-gvern dwar il-VAT fuq ir-ristoranti

 

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel (ACE) laqgħet b’mod pożittiv l-impenn tal-Kap tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li jekk ikun fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista jnaqqas il-VAT għal-stabilimenti tal-catering bħal ristoranti u kiosks għal 7%. Skont l-assoċjazzjoni, ilha tisħaq fuq din il-miżura għal dawn l-aħħar ħames snin.

Fi stqarrija l-assoċjazzjoni tal-catering qalet li trid tiltaqa’ mal-Oppożizzjoni għal diskussjonijiet sabiex tifhem aħjar kif din il-miżura se tiġi implimentata f’mitt ġurnata ta’ leġiżlatura ġdida. Fl-istess ħin il-president tal-ACE Michelle Muscat qalet li diġà qed isiru diskussjonijiet mal-gvern biex tiddaħħal din il-miżura.

Qalet ukoll li taqbel mal-kummenti riċenti tal-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu li kull riforma sinifikanti f’dan is-settur teħtieġ approċċ olistiku u koordinazzjoni effettiva mad-Dipartiment tal-VAT u l-Ministeru għall-Finanzi, fost oħrajn.Saħqet li filwaqt li din il-miżura hija primarjament immirata biex tappoġġja l-industrija tal-catering, qalet li fl-aħħar mill-aħħar il-konsumatur se jibbenefika wkoll b’mod indirett.

More in Politika