Momentum jaqbel mal-Kamra tal-Kummerċ dwar it-turiżmu

Jaqblu mal-istrateġija tal-Kamra ‘Rediscovering to Align’ għal turiżmu lilhinn mill-volum

Ritratt: Momentum
Ritratt: Momentum

Il-partit Momentum esprima appoġġ qawwi għall-istrateġija l-ġdida tat-turiżmu ppubblikata mill-Kamra tal-Kummerċ bit-titlu “Rediscover to Align”. Is-Segretarju Ġenerali ta’ Momentum Mark Camilleri Gambin faħħar l-istrateġija u dak jaqbel perfettament mal-prinċipji espressi fl-istrateġija. Dawn huma l-governanza tajba, t-trasparenza, ambjent isbaħ u ekonomija ġusta.

Mark Camilleri Gambin wera appoġġ għar-rakkomandazzjoni li titlob li titneħħa l-politika taż-żieda ta’ żewġ sulari fuq il-lukandi eżistenti. Qal li jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ li din il-politika tal-ippjanar spiċċat għodda għall-ispekulazzjoni. Camilleri Gambin elenka diversi proposti oħra tal-Kamra tal-Kummerċ fosthom l-obbligu fuq il-pjattaformi li jaqsmu data kull xahar mal-Kunsilli Lokali biex ikun possibbli monitoraġġ f’ħin reali, li skontu hija proposta li taqbel ma’ suġġerimenti li saru wkoll mill-partit.

Momentum qabel ukoll mal-appell tal-Kamra biex jieqaf kull żvilupp ulterjuri fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ), sabiex jiġu protetti l-assi naturali u kulturali tal-pajjiż.

Camilleri Gambin żied li “ż-żewġ partiti l-kbar ippermettew spekulazzjoni bla kontroll li naqqset il-kwalità tal-prodott turistiku. Il-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat pjan ċar biex jiżdied il-valur għal kull turist u jittejjeb l-ambjent regolatorju. Aħna nappoġġjaw bis-sħiħ it-tneħħija ta’ lakuni fir-regolamenti tal-ippjanar li jħeġġu l-ispekulazzjoni. Irridu l-introduzzjoni ta’ regoli ġusti u infurzabbli għall-kirjiet għal żmien qasir.”

Qal li l-partit se jkompli jippromwovi politika li ssaħħaħ ir-responsabbiltà, ittejjeb il-governanza u tibni futur sostenibbli għar-residenti Maltin u Għawdxin.

 

More in Politika