26,000 tesserat jistgħu jivvutaw għall-Kap tal-PN; L-elezzjoni fl-ewwel ġimgħat ta' Ottubru

Il-votazzjoni se tkun qed issir fi 17-il post fosthom diversi każini tal-Partit Nazzjonalista

L-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista mistennija ssir bejn l-ewwel u t-tieni ġimgħa ta’ Ottubru u għaliha se jkunu eliġibbli li jivvutaw madwar 26,000 tesserat.

Ħabbar dan ilbieraħ iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN Peter Fenech waqt intervent fil-programm ‘Focus’, fuq NET FM.

Peter Fenech spjega kif it-tesserati kollha li għad fadlilhom xi pendenzi fil-ħlasijiet tat-tessera biex jagħmlu dan kemm jista’ jkun malajr, imma mhux aktar tard mill-14 ta’ Settembru.

Hu qal li l-ħlasijiet pendenti tat-tesseri se jkunu aċċettati sa għaxart ijiem qabel id-data tal-Konvenzjoni Ġenerali, jiġifieri meta t-tesserati jibdew jivvutaw.

Ħabbar ukoll li se jkunu 17 il-postijiet użati biex wieħed jivvota fihom, 15-il każin tal-PN, id-Dar Ċentrali u l-AŻAD fil-Belt Valletta.

Il-Ġimgħa u s-Sibt ta’ ġimgħa qabel l-elezzjoni se tkun qed issir l-early voting u anke se jkun hemm il-possibbilità li persuni b’nuqqas ta’ mobilità jkunu jistgħu jivvutaw qabel fid-Dar Ċentrali.

Bħalissa għadu għaddej il-proċess ta' verifika fuq iż-żewġ kandidati prospettivi.

Aqra wkoll:

More in Politika