L-istudenti Taljani jibdew jirritornaw fil-klassijiet wara l-lockdown

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Lucia Azzolina appellat biex kulħadd jagħmel ftit sagrifiċċju biex ikunu segwiti l-miżuri kollha li ttieħdu

L-Italja llum bdiet tiftaħ ftit ftit il-bibien tal-iskejjel tagħha biex l-istudenti jibdew jirritornaw fil-klassijiet wara l-lockdown pjuttost twil li l-Italja kellha timponi fl-aħħar xhur biex tikkontrolla l-imxija tal-COVID-19.

L-ewwel li rritornaw fil-klassijiet kienu l-istudenti f’Bolzano biex fil-ħmistax li ġejjin ikompli jiftħu l-iskejjel fir-reġjuni l-oħra kollha.

“Ħdmina ħafna biex innaqqsu r-riskji. Fl-iskejjel qed nitolbu ftit sagrifiċċju minn kulħadd, l-istudenti, l-edukaturi u l-għalliema biex kulħadd isegwi r-regoli,” saħqet il-Ministru għall-Edukazzjoni Lucia Azzolina. “Għamilna sforz biex nisimgħu lil kulħadd. Anke fl-iskejjel hemm ir-riskji.”

L-iskejjel kollha fl-Italja se jkunu miftuħa sal-14 ta’ Settembru.

Fost il-miżuri li ttieħdu fl-Italja kien hemm it-trasfermina ta’ studenti minn skola għall-oħra bil-għan li l-klassijiet fl-iskejjel ma jkunux kbar u għalhekk l-istudenti jkunu jistgħu jitqassmu aħjar.

Miżura oħra hija dik ta’ klassi maqsuma fejn il-klassi tinqasam f’żewġ gruppi u jalternaw bejniethom il-ġranet li jidħlu l-iskola. Il-grupp li ma jkunx imissu jidħol fil-klassi, isegwi l-lezzjoni onlajn. 

Intant, il-każi fl-Italja komplew jiżdiedu hekk kif ilbieraħ ġew irreġistrati 1,297 każ ġdid u dan meta saru 30,000 test inqas mis-soltu.

More in Politika