'Qed inpoġġu wisq enfasi fuq id-dritt tal-akkużat u mhux biżżejjed fuq il-ħarsien tas-soċjetà'

Il-Maġistrat Joe Mifsud jgħid illi wasal iż-żmien li ssir diskussjoni dwar il-bail

Il-Maġistrat Joe Mifsud
Il-Maġistrat Joe Mifsud

Il-Maġistrat Joe Mifsud illum ma laqax talba għall-ħelsien mill-arrest - jew bail - suġġett li bħalissa jinsab fuq fomm ħafna minħabba l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-qtil doppju f'Tas-Sliema.  Dan kien każ ta' raġel Malti minn Ħad Dingli akkużat bil-pussess ta' kokaina u eroina li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu.  Hu qed ikun ikun akkużat ukoll illi kiser l-kundizzjonijiet ta' bail diġa' mogħti lilu f'konnessjoni ma' każ ieħor f'Lulju 2016. 

Mifsud sostna illi l-Qrati dan l-aħħar qed jagħtu wisq attenzjoni lid-drittijiet tal-akkużati.   

Il-maġistrat qal li l-Qorti tħossha kkonċernata illi fl-aħħar snin sar "wisq enfasi fuq id-drittijiet tal-akkużat u mhux biżżejjed attenzjoni fuq il-bżonnijiet tas-soċjetà li wkoll għandha bżonn il-protezzjoni tal-Qrati."

Huwa kompla jgħid li hemm bżonn illi ssir diskussjoni dwar il-bail u jfakkar illi apparti Artiklu Sitta tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem "irridu nżommu f'moħħna wkoll illi Artiklu tnejn jpoġġi obbligu fuq l-Istat li jipproteġi lil dawk kollha li jgħixu fuq dawn il-gżejjer." 

Fid-digriet tiegħu l-Maġistrat Mifsud sostna illi ma jistax jagħti dan il-ħelsien mill-arrest minħabba numru ta' fatturi u interessi, fosthom l-interess tiegħu stess u ta' familtu kif ukoll l-interess tas-soċjetà in ġenerali. 

 

 

More in Politika