Konferma tal-Kap jew elezzjoni? Illum il-Kunsilliera tal-PN jibdew jivvotaw

Il-PN wasal sa hawn wara żewġ voti ta' sfiduċja li sab ma' wiċċu Adrian Delia, wieħed mill-Grupp Parlamentari u l-ieħor mill-Eżekuttiv

Illum, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jibdew jivvotaw dwar il-futur tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu hekk kif quddiemhom għandhom għażla, jiġifieri jekk jagħżlux li t-tesserati jivvotawx biex jikkonfermaw jew le lil Adrian Delia jew inkella jekk it-tesserati għandhomx jivvotaw f'elezzjoni miftuħa għall-Kap u li għaliha, apparti Delia, jkunu jistgħu joħorġu kandidati oħra.

L-early voting tal-lum se jibda fil-5pm u jagħlaq fit-8pm biex il-votazzjoni tissokta nhar il-Ġimgħa bejn is-6pm u t-8pm u nhar is-Sibt bejn it-8am u s-6pm.

F'Għawdex il-votazzjoni se ssir nhar is-Sibt bejn id-9am u l-4pm. 

Malli tintemm il-votazzjoni se jibda l-għadd tal-voti biex is-Sibt filgħaxija jsir magħruf x'deċiżjoni se jkollhom f'idejhom it-tesserati.

Il-PN wasal sa hawn wara żewġ voti ta' sfiduċja li sab ma' wiċċu Adrian Delia, wieħed mill-Grupp Parlamentari u l-ieħor mill-Eżekuttiv u dan wara mhux biss sondaġġi inkwetanti għall-PN iżda anke chat fuq Whatsapp li allegatament turi li kien hemm komunikazzjoni bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia u dan wara li kien sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-Kumpanija 17 Black.

Id-deċiżjoni li jissejjaħ Kunsill Ġenerali, biex jiddeċiedi dwar l-għażla li se jkollhom quddiemhom it-tesserati, ittieħdet wara kompromess li ntlaħaq bejn Delia u dawk li jappoġġjawh li riedu li jmorru quddiem it-tesserati biex dawn jivvotaw f'vot ta' fiduċja f'Delia u x-xewqa tal-hekk imsejħa ribelli li riedu elezzjoni miftuħa għall-Kap.

Anke jekk għadu mhux magħruf jekk hux se ssir elezzjoni għall-Kap, l-Avukat Bernard Grech diġà kkonferma li se jkunu qed jitfa' isimu jekk l-elezzjoni ssir u anke beda sensiela ta' laqgħat inkluż mad-Deputati.

Apparti dawn, il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat kif lesti biex jitfgħu isimhom ukoll hemm: Roberta Metsola, Therese Comodini Cachia, Mark Anthony Sammut u Alex Perici Calascione.

Aqra wkoll:

More in Politika