Adrian Delia sfiduċjat għat-tieni darba ... jitlef vot ta' fiduċja fl-Eżekuttiv tal-PN

L-eks Sindku ta' Birkirkara u Membru tal-Eżekuttiv jipproponi vot ta' fiduċja f'Delia llejla  - Il-Kap tal-PN jitlef dan il-vot biex jiġi sfiduċjat għat-tieni darba f'ġimgħa

Ġimgħa biss wara li tressaq vot ta' fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, l-eks Sindku ta' Birkirkara u membru tal-Eżekuttiv Michael Axiak ressaq vot ieħor ta' fiduċja fil-Kap tal-PN, din id-darba fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.  Adrian Delia tilef dan il-vot - biex għat-tieni darba f'ġimgħa l-Kap Nazzjonalista tilef vot ieħor ta' fiduċja - f'dak li jidher illi issa qed isir xenarju dejjem aktar diffiċli għal Kap Nazzjonalista.  Din hija l-ewwel darba li Kap Nazzjonalista ġie sfiduċjat hekk mill-partit li jmexxi - l-ewwel mill-Grupp Parlamentari, imbagħad mill-Eżekuttiv.

Mill-Eżekuttiv kienu b'kollox 35 li vvutaw favur Delia, 47 kontra u astensjoni. 

Dan seħħ waqt laqgħa tal-Eżekuttiv li ddiskutiet il-futur ta' Delia li l-ġimgħa l-oħra ġie sfiduċjat mill-Grupp Parlamentati iżda li salva postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni biss minħabba illi l-Kap tal-Oppożizzjoni jeħtieġ ikun Kap ta' partit - kien deċiż mill-analiżi kostituzzjonali tal-President tar-Repubblika. Il-President irrikonoxxa li Delia m'għadx għandu l-maġġoranza ta' Deputati tal-PN warajh u allura qal li dan għandui jkun indirizzat u jinstabu soluzzjonijiet f'dan ir-rigward.  Huwa mifhum li din il-mossa hija l-ewwel minn oħrajn biex Delia eventwalment jitneħħa minn Kap tal-PN ukoll. 

Preżenti fil-laqgħa kien hemm l-eks PM u eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi li aktar kmieni illum qal illi se jattendi u jekk ikun hemm vot, jivvota filwaqt li ħeġġeġ lil dawk ta' integrità biex iqumu u jsemmgħu leħinhom.  Gonzi ppropona li ssir elezzjoni ġdida għat-tmexxija tal-PN bħala soluzzjoni għall-kriżi politika li fiha jinsab il-partit - speċjalment issa wara t-tieni vot ta' sfiduċja.

More in Politika