Tliet irġiel arrestati wara li allegatament serqu kwart ta' miljun ewro

L-allegat reat seħħ fuq perjodu ta' tliet snin minn stabbiliment tal-logħob f'San Ġiljan

Il-Pulizija mid-Distrett ta' San Ġiljan arrestaw tlett irġiel li allegatament serqu xejn inqas minn kwart ta' miljun ewro minn stabbiliment tal-logħob f'San Ġiljan, liema reat x'aktarx seħħ fuq perjodu ta' tliet snin.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu f’Jannar illi għadda meta uffiċjali tal-istabbiliment għamlu rapport lill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, illi ħaddiem u żewġ persuni oħra, allegatament kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż fejn allegatament kienu qed jirbħu ammont konsiderevoli ta’ flus.

Minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija sabiex ikun stabbilit il-movumenti ta’ dawn it-tliet persuni, ħaddiem Bulgaru ta’ 36 sena u żewġ persuni oħra, ukoll Bulgari, ta’ 32 sena u 27 sena, kollha residenti Malta.

Irriżulta minn sigħat twal ta’ investigazzjonijiet, li l-allegat serq seħħ bejn Ottubru 2017 u Jannar 2020.

Fl-aħħar sigħat il-Pulizija kkonkludiet l-investigazzjonijiet tagħha u t-tlett irġiel mistennija jitressqu l-Qorti illum.

 

More in Politika