'Ġenituri li qed jgħinu lill-uliedhom bix-xogħol tal-iskola ma għandhomx jidħlu x-xogħol mill-Ġimgħa'

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti ta’ Skejjel Statali tappella għal aktar dettalji dwar il-protokolli ta’ Saħħa u Sigurtà li se jittieħdu fiċ-ċentri ta’ Skola Sajf u ċ-ċentri taċ-Childcare

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti ta’ Skejjel Statali qed tappella biex ġenituri li ħaddiema li qed jgħinu fit-tagħlim fid-dar ta’ uliedhom minħabba l-għeluq tal-iskejjel, ma għandhomx ikunu mistennija jirritornaw fiżikament fuq il-post tax-xogħol nhar il-Ġimgħa.

Il-MAPSSS tagħmel referenza għall-konferenza tal-Prim Ministru dwar it-tneħħija ta’ ħafna mir-restrizzjonijiet relatati mal-COVID19 fejn saħaq li “l-ħaddiema kollha huma mistennija jirritornaw għax-xogħol nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju”.

“Fid-dawl tal-fatt li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sa tmiem is-sena skolastika, xi ħaġa li MAPSSS taqbel magħha, l-Assoċjazzjoni tappella lill-gvern biex jiżgura li ġenituri li bħalissa qed jagħmlu home-schooling ta’ uliedhom, u li għandhom arranġamenti ta’ telework ma’ min inħaddimhom, jibqgħu bl-għażla li jużaw it-telework. Min-naħa l-oħra, ġenituri li ma għandhomx telework u li qed jassistu fit-tagħlim virtwali ta’ uliedhom, ma għandhomx ikunu mistennija jmorru lura fuq il-post tax-xogħol qabel jibda jingħata s-servizz ta’ SkolaSajf/Klabb316 fl-1 ta’ Lulju,” insistiet l-istqarrija.

Appellat ukoll biex il-Gvern jipprovi linji gwida ċari għax jekk le tibża’ li jkun ġenituri li jitilfu l-impjieg tagħhom, fid-dawl tal-fatt li min iħaddihomhom qed jistennihom lura għax-xogħol.

“Barra minn hekk, il-ġenituri għandhom ma ngħataw l-ebda dettalji dwar il-protokolli ta’ Saħħa u Sigurtà li se jittieħdu fiċ-ċentri ta’ Skola Sajf, Child Care Centres, Klabb 316 jew kwalunke skola tas-sajf oħra. Din l-informazzjoni hi kruċjali biex il-ġenituri jieħdu deċiżjoni infurmata,” insistiet l-istarrija.

More in Politika