Inkjesta Maġisterjali teħles lill-Brigadier, il-PM u s-suldati tal-P52 mill-allegazzjonijiet ta' tentattiv ta' qtil

Il-PM jippubblika l-inkjesta maġisterjali kollha marbuta ma' allegazzjonijiet illi l-AFM u l-PM b'azzjoniethom waslu għal mewt ta' immigranti

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru għadu kemm ippubblika fl-intier tiegħu r-rapport dwar l-Inkjesta Maġisterjali wara denunzja li ressqet l-għaqda Repubblika b’allegazzjonijiet ta’ attentat ta' qtil volontarju ta’ immigranti min-naħa tal-Prim Ministru u tal-Brigadier Jeffrey Curmi, u tentattiv ta’ qtil minn membri oħra tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Malli ngħalqet din l-inkjesta, il-Maġistrat Inkwirenti għadda r-rapport lill-Avukat Ġenerali kif titlob il-liġi. Bħala wieħed mill-persuni li fil-konfront tiegħu saru dawn l-allegazzjonijiet, il-Prim Ministru Robert Abela talab lill-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja tal-proċess verbal intier. L-Avukat Ġenerali laqa’ din it-talba kif indikat fid-dokument mehmuż ma’ din l-istqarrija. 

Ir-rapport wasal għand l-Uffiċċju tal-Prim Ministru llum waranofsinhar ippubblika l-proċess verbal sħiħ kif mgħoddi lilu mill-Avukat Ġenerali. Ir-rapport fih aktar minn 400 faċċata, u jirriżulta li fil-mori tal-inkjesta nstemgħu 156 xhud, bl-assistenza ta’ esperti tekniċi, esperti maħtura għall-ġbir tal-provi u b’talbiet għal assistenza mil-Libja u informazzjoni oħra.

L-inkjesta waslet għal dawn il-konklużjonijiet ewlenin:

L-allegazzjonijiet li saru, tgħid l-istqarrija ta-Gvern, mhumiex imsejsa bi provi;

  • Ma nstabet ebda rabta dokumentarja stampata jew xhieda oħra li torbot lill-ekwipaġġ tal-lanċa P52, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap Kmandant Jeffrey Curmi mal-allegati reati;
  • Ġie konkluż li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari;
  • Ġie konkluż ukoll li l-ekwipaġġ tal-P52 ma wettaq ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti irregolari;
  • Instab li Malta wettqet l-obbligi internazzjonali tagħha u li l-komunità internazzjonali għandha tqum għar-responsabbiltajiet tagħha wkoll;
  • Kien hemm diversi punti li jikkuntrastaw serjament mal-allegazzjonijiet magħmula minn Repubblika, Avvenire, The New York Times u The Guardian, b’mod partikolari dawk id-dettalji li kienu jistrieħu fuq tweets u press releases ta’ Alarm Phone;
  • Il-membri tal-ekwipaġġ tal-P52 lanqas kienu fuq ħidma ta’ salvataġġ fil-ġranet indikati fid-denunzja bħala d-dati ta’ meta sar l-allegat tentattiv ta’ omiċidju;
  • Għandu jkun hemm ftehim, bi protokolli ċari, dwar kif immigranti salvati jkunu rilokati f’pajjiżi varji, mhux biss tal-Unjoni Ewropea imma anke oħrajn membri tal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet oħra tal-istati. Dan sabiex ikun hemm solidarjetà reali u mhux biss fuq il-karta;
  • Soluzzjoni ewlenija fit-tul hija għalhekk it-titjib fil-livell ta’ għajxien madwar id-dinja, sabiex b’hekk il-persuni ma jiġux sfurzati li jaħarbu minn darhom biex isibu protezzjoni jew ifittxu ħajja aħjar;
  • Huwa essenzjali li l-isforzi ta’ koperazzjoni jsiru mill-pajjiżi biex jiġi indirizzat id-delitt tat-traffikar tal-persuni b’mod koordinat madwar id-dinja biex jitneħħew l-opportunitajiet għall-attivitajiet illegali li jieħdu vantaġġ fuq il-persuni.
  • Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Inkjesta Magisterjali tissolleċita lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikompli bl-istħarriġ tiegħu, b’koperazzjoni mal-forzi tal-ordni barranin, dwar it-traffikanti tal-bnedmin li tħallsu u organizzaw il-vjaġġ tal-immigranti, u li għalhekk kellhom l-obbligu ta’ duty of care fil-konfront ta’ dawn il-persuni, u li għalhekk huma responsabbli għat-telf tal-ħajjiet.

L-inkjesta titlob għal iktar investigazzjonijiet biex ikunu identifikati dawk li qed jorganizzaw dawn il-vjaġġi klandestini bi sfruttament ta’ tant persuni, liema introjtu mill-vjaġġi qed ikun ukoll sors għall-iffinanzjar ta’ gruppi terroristiċi. 

More in Politika