'Ma nistgħux ngħaġġlu fuq il-ftuħ tal-ajruport u għandna niddeċiedu aħna meta niftħuħ'

L-MEP Laburista Alex Agius Saliba jisħaq li l-ftuħ tal-ajruport m'għandux ikun idettat minn Brussell

L-MEP Laburista Alex Agius Saliba insista li Malta m'għandhiex tbaxxi rasha għall-pressjoni li qed tibda ssir minn numru ta' MEPs, inkluż l-MEP Roberta Mestola, biex l-ajruport jinfetaħ f'kampanja biex "insalvaw is-sajf" u l-industrija turistika tibda tqum fuq saqajha mill-aktar fis. 

Minkejja dan, Agius Saliba sostna li ma jaqbilx li Malta għandha tgħaġġel f'dan il-proċess.  "Pajjiżna ma jaffordjax illi minħabba l-għaġla tal-Ġermaniżi jitlef is-saggrifiċċji illi għamel sabiex insalvaw il-ħajjiet taċ-ċittadini tagħna."

Agius Saliba kompla jinsisti illi d-deċiżjoni dwar l-ajruport għandha tkun waħda sovrana u saħaq illi ma jaqbilx li tiġi imposta data ta'  meta għandna niftħu l-ajruport. 

"Din il-kompetenza sanitarja għandha tibqa' f’ idejn is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci."

Il-Partit Popolari Ewropew, li tiegħu l-Partit Nazzjobnalista huwa membru, ippreżenta pjan biex l-ajruporti jerġgħu jinfetħu fil-ħin għas-sajf b'Metsola tgħid illi l-għeluq tal-fruntieri kienet neċessarja biex twaqqaf it-tixrid tal-pandemija.  "Bħala stati membri jeħtieġ ikollna strateġiji, b'miżuri komprensivi u naraw jekk funtieri magħluqin humiex bżonnjużi aktar," qalet l-MEP Nazzjonalista. 

 

More in Politika