Meta kien qed jitkellem illejla fil-Parlament il-PM Robert Abela qal li mhu jeskludi xejn fid-diskussjonijiet ma' Steward Healthcare, lanqas li jħassar l-istess kuntratt - bi prinċipju ta' valur għall-flus. Qal iżda li ċ-ċirkostanza tal-pandemija tfisser illi kieku deċiżjoni fil-konfront ta' din il-kumpanija tiiteħed bħalissa tkun qed tmur kontra l-interess nazzjonali. "Kieku ħassrna l-kuntratt issa kienu jiġu mminati l-pazjenti u l-anzjani tagħna ... pero nfakkarkhom li dan il-Gvern ma jibżax jiddeċiedi."
Iżda minn naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia - meta kien qed jindirizza l-Parlament hu - qal li minflok jargumenta mal-Oppożizzjoni l-PM, jekk jemmen li l-kuntratt mal-VGH/Steward għandu jkun imħassar, għandu jaqbad u jagħmel dan u jappoġġjah fil-proċeduri li fetaħ biex dan il-kuntratt ikun iddikjarat null.
"Jekk xogħolkhom huwa tfixlu, xogħolna huwa li mmexxu," qal il-PM Abela li akkuża lill-Oppożizzjoni illi qed isservi ta' avukat ta' Steward Healthcare meta tirrepeti kliem bħal dawk li l-Gvern marbut li jħallas €100 miljun jekk iħassar il-kuntratt ma' Steward Healthcare. "Dan mhu vera xejn u aħna qed naħdmu u nifhmu l-kuntratt bħala wieħed illi jekk aħna nħassruhgħax il-kumpanija ma tkunx osservat l-obligi ma nħallsux ċenteżmu."
Iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa' insista li skont il-kuntratt li ġie ffirmat jekk il-Gvern jannulla l-kuntratt irid iħallas €100 miljun u jagħmel tajjeb għad-dejn. "Int kont l-avukaat tal-Gvern meta l-Uffiċċju tal-Awditur kien qiegħed jevalwa dan il-kuntratt," saħaq Delia.
"Għandu l-wiċċ jitfa' t-tort fuq l-Oppożizzjoni għax ma jistax jiddefendi dan il-kuntratt. " Fakkar Delia li kumpanija li ħadet l-ispatrijiet oriġinarjament fetħet illum u l-għada ntrabtet li se tirbaħ dan il-kuntratt, meta kienu għadhom lanqas ħarġu t-tenders. "Marret tipprova tieħu self.u lanqas biss sar due diligence."
Lil Ram Tumuluri sejjaħlu "skarpan u frodist" u fakkar kif dan ingħata €5 miljun f'commision meta, skontu, dan ma għamel xejn.
Intant il-Kap tal-Oppożizjoni talab lill-PM jingħaqad miegħu f'kundanna kontra l-eks Minstru Konrad Mizzi.
Ara hawnhekk x'qal il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fl-istess seduta.