'L-Oppożizzjoni tippontifika fuq il-korruzzjoni u ma jarawx il-ħmieġ tagħhom'

Id-Deputat PM Chris Fearne jgħid illi Steward Healthcare qed jagħmlu l-parti tagħhom waqt il-pandemija

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar mozzjoni tal-Oppożizzjoni li titlob illi l-kuntratt li sar mal-VGH jiġi nullifikat, il-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne rrimarka li l-Oppożizzjoni qed tippontifika fuq il-korruzzjoni u  "ma jarawx il-ħmieġ tagħhom", f'referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali ppubblikat ilbieraħ dwar l-isptar Mater Dei. 

Dan ir-rapport jgħid illi Mater Dei sewa €583 miljun u anke jekk ir-rapport jisħaq li dan kien katalist biex ittrasforma s-sistema tas-saħħa ta’ Malta, fl-istess waqt jgħid li kien ikkaraterizzat minn problemi ta’ kwalità u anke spejjeż ogħla minn dawk previsti.

Fi kliem ir-rapport, dan kien riżultat ta’ nuqqasijiet relatati mal-immaniġġjar tal-kuntratt, tal-proġett u ta’ governanza.

Fearne, sarkastikament, qal illi "kieku din id-diskussoni kienet f'ambitu illi l-qasam tas-saħħa f'Malta falla jew dak ta' Għawdex falla kieku mod ieħor," 

 "Din l-istorja kollha (dwar il-VGH/Steward Healthcare) bdiet fl-2013 meta l-eks Ministru Godfrey Farrugia flimkien ma' Evarist Bartolo kienu marru jiddiskutu f'Londra mal-iskola Barts," qal Fearne għall-għajjat u l-protestazzjonijiet ta' Farrugia li talab il-protezzjoni tal-Ispeaker.

Hu kompla jgħid: "Ridna li jkollna Sptar bħal ma hu Mater Dei, ridna nagħmlu skola tan-nursing oħra ... mal-iżvilupp ta' Barts daħlu l-VGH," sostna Fearne li mill-ewwel iżda beda jelenka s-suċċessi ta' Steward Healthcare.

Fakkar illi f'temp ta' sena u nofs inbniet l-iskola ta' Barts, ġew sottomessi l-pjani għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex il-ġdid u din il-kumpanija qed tgħin waqt il-pandemija fosthom b'emerġenza ġdida biex ikun hemm tnejn - Covid-19 u non-Covid-19 -  kif ukoll ventilators. "Meta kellna bżonnhom fil-pandemija sibnihom," jgħid il-Ministru tas-Saħħa li jfakkar illi Gvernijiet Nazzjonalisti kienu "paladini" tal-ħidma bejn il-Gvern u l-privat, anke fis-Saħħa, fosthom bl-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek (POYC).  "Dak li ffirmajna ma' Steward se jsir," aċċerta Fearne.

Id-Deputat PM temm jgħid li l-Kap tal-Oppożizjoni għandu jistenna l-eżitu tal-kawża li fetaħ hu dwar dan il-kuntratt. 

More in Politika