Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri ċaħad li huwa parti mill-grupp ta’ Deputati Nazzjonalisti, deskritti bħala “Blue Heroes” li jridu jqaċċtu ‘l barra lil Adrian Delia.
Sa issa kien Spiteri biss li ċaħad li huwa parti minn din il-fazzjoni li ma tridx taf b’Adrian Delia.
F’kummenti ma’ The Malta Independent, Stephen Spiteri saħaq li huwa tkellem dwar it-tħassib tiegħu internament u x’aktarx li ġie interpretat ħażin li huwa kontra Adrian Delia.
“Minkejja li esprimejt it-tħassib tiegħi jiena ma rridx inkun parti mill-grupp li għamel kolp kontra l-Kap,” saħaq Spiteru. “Din mhijiex it-triq ‘il quddiem.”
Wiċċ Spiteri kien inkluż f’ritratt ta’ 17-il membru tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li huma kontra Adrian Delia u li xerred dalgħodu Jason Azzopardi.
Din kienet l-ewwel darba li l-ismijiet tad-Deputati kontra Delia ħarġu fil-beraħ għax il-ġimgħa li għaddiet minkejja li ħarġu stqarrija, ħadd minnhom ma ffirma b’ismu.
Minkejja l-oppożizzjoni li qed jiffaċja sa issa Adrian Delia ma wera l-ebda intenzjoni li jirriżenja.