'17 Blue Heroes' - Jason Azzopardi jxerred il-lista tad-Deputati li jridu jqaċċtu lil Delia

Magħhom jistgħu jingħaqdu wkoll id-Deputati indipendenti Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li xorta waħda huma parti mill-Oppożizzjoni

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ppubblika fuq Facebook l-ismijiet tas-17-il membru tal-Grupp Parlamentari li jridu lil Delia jwarrab.

Il-lista qed iddur fuq il-midja soċjali, bid-Deputati jkunu mlaqqma bħala “17 Blue Heroes.”

Dawn id-Deputati huma: Claudette Buttigieg, Kevin Cutajar, Karl Gouder, Therese Comodini Cachia, Mario de Marco, Toni Bezzina, Marthese Portelli, Karol Aquilina, Roberta Metsola, Claudio Grech, Ryan Callus, Beppe Fenech aDAMI, Simon Busuttil, Chris Said, Stephne Spiteri, Jason Azzopardi u David Casa.

Dan ifisser li Delia tilef l-appoġġ ta’ 15-il Deputat Parlamentari, hekk kif David Casa u Roberta Metsola ma jiffurmawx parti mill-Oppożizzjoni. Madanakollu, dan xorta waħda jfisser li Delia ma għandux il-maġġoranza tad-Deputati miegħu.

Fil-fatt, il-Grupp Parlamentari tal-PN għandu 28 Deputat. Hemm ukoll Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li anke jekk huma indipendenti jiffurmaw żewġ siġġijiet mill-Oppożizzjoni u kemm-il darba saħqu li ma għandhomx fiduċja f’Delia.

Il-lista ġiet ippubblikata ftit wara li l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, waqt il-programm Insights, saħaq li ma jemminx li hemm 17-il Deputat kontra Delia.

Intant, f’kummenti ma’ The Malta Independent, Claudio Grech ċaħad xniegħat li lest jikkontesta għall-Kap tal-PN.

Biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni jridu isir vot ta’ sfiduċja fih.

Jekk dan iseħħ u jgħaddi, il-President tar-Repubblika jkun jista’ jagħżel Kap tal-Oppożizzjoni ġdid li jkollu l-fiduċja tal-Grupp kollu.

More in Politika