Repubblika tisħaq li avukati, deputati u ġurnalisti mhedda mhux qed jingħataw il-protezzjoni

Repubblika qalet li taf b'ċert li avukati, deputati, ġurnalisti u attivisti talbu l-protezzjoni għax ġew mhedda

L-organizzazzjoni Repubblika qed tgħid “bl-akbar gravità u responsabbilità,” li l-Pulizija rċeviet talbiet biex tiġi assigurta s-sigurtà ta’ avukati, parlamentari, ġurnalisti u attivisti li huma taħt theddida u li, fi kliemha, dawn it-talbiet qed jiġu injorati.

Repubblika qalet dan fi stqarrija li matulha saħqet kif il-Gvern kellu jitgħallem mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda fi kliemha, minkejja li taf b’ċert li saru talbiet għall-protezzjoni, l-istess talbiet qed jiġu injorati.

“It-talbiet għall-protezzjoni ġew ilkoll minn nies li jaħdmu f’oqsma li jesponuhom għal riskju ta’ theddid ta’ tpattija jew ta’ ħsara lilhom jew lill-familji tagħhom biex ma tħallihomx jaqdu dmirhom,” saħqet l-organizzazzjoni.

Repubblika insistiet li l-avukati, anke dawk li jirrapreżentaw lill-akkużati, huma uffiċjali tal-qrati li mingħajrhom ma tistax issir ġustizzja u li l-parlamentari huma r-rappreżentanti tal-poplu li jekk mhedda ma jkunux jistgħu jaqdu dmirhom.

“Il-ġurnalisti u l-attivisti u s-sigurtà tagħhom huma meħtieġa biex ikun rispettat id-dritt ta’ kulħadd li jkun informat u li jinforma,” tenniet Repubblika.

Kompliet tisħaq li rapporti fl-istampa juru b’mod ċar li “l-awtoritajiet qed jieħdu attitudni leġġera għas-sigurtà” ta’ dawk li jistgħu jgħinu biex tinstab il-verità dwar min qatel lil Daphne Caruana Galizia

“Dan l-aġir minnu nnifsu hu theddida għas-sigurtà ta’ oħrajn li bħalha qed ifittxu l-verità,” kompliet l-istqarrija.

Repubblika indirizzat lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-forzi kollha tas-sigurtà, biex tfakkarhom li l-ewwel obbligu tagħhom li ħalfu għalih hu lejn ir-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. 

“Dan ifisser li indipendentement mill-interessi partiġġjani jew personali ta’ min temporanjament jiggverna, huma responsabbli li jaraw li jsaltan id-dritt u li d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd ikunu mħarsam,” kompliet l-istqarrija.

L-organizzazzjoni insistiet li jekk f’Malta jibqgħu mhedda avukati, parlamentari, ġurnalisti u attivisti  mingħajr il-protezzjoni tal-istat, indipendentement mill-gvern tal-ġurnata, id-demokrazija se titmermer. 

“Wara t-tagħlima li missna tgħallimna wara li dawk li qatlu lil Daphne Caruana Galizia għamlu li riedu, l-istat irid jassigura li ebda xhud, ebda avukat, ebda parlamentari, ebda ġurnalist  u ebda attivist li qed ifittex il-verità ma jispiċċa hu stess mweġġa’ jew maqtul,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika