'Muscat għalaq il-Parlament qabel għax beża' jiddibatti fuq l-abort'

Delia jisħaq li llejla l-Parlament kellu jiddiskuti l-protezzjoni tal-embrijun iżda insista li l-PM għalaq il-Parlament qabel għax qed jibża' jiddiskuti s-suġġett

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia reġa’ ddedika parti sostanzjali mid-diskors tiegħu tal-lum biex jitkellem dwar il-kwistjoni tal-abort u qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibża’ jiddibatti dan is-suġġett.

Waqt attività politika fl-Imsida, il-Kap Nazzjonalista saħaq li llejla l-Parlament kellu jiddiskuti l-protezzjoni tal-embrijun, iżda saħaq li Joseph Muscat għalaq il-Parlament qabel iż-żmien.

Kien għalhekk, li Delia spjega kif qabel l-elezzjoni kien għad fadal sitt seduti, iżda fi kliemu, il-Prim Ministru għażel li jagħlaq il-Parlament biex jaħrab minn dan id-dibattitu.

Irrefera għall-kummenti tal-Prim Ministru meta qal li l-Oppożizzjoni qed twaqqa’ għaċ-ċajt dan is-suġġett, u saħaq li huwa l-Prim Ministru li qed iwaqqa’ għaċ-ċajt lil dawk li huma kontra l-abort u li marru jimxu wara l-purċissjoni tad-Duluri, b’referenza għal wieħed mid-diskorsi li għamel Muscat.

“In-nies qed jindunaw li dak li qed ngħidu huwa ċar u tond u iswed fuq l-abjad,” kompla Delia waqt li insista li l-buttuna tal-paniku (b’referenza għall-billboard tal-Partit Laburista) għafasha mhux meta tkellem dwar l-abort, iżda meta tkellem dwar l-ambjent, fuq l-iskart, fuq l-arja maħmuġa u fuq il-korruzzjoni tal-Gvern, fost oħrajn.

Kien hawn li wara li l-ILLUM ikkonfermat li Muscat mhux se jattendi għad-dibattitu dwar Xarabank, għaċ-ċapċip u l-għajjat ta’ dawk preżenti, stieden lill-Prim Ministru biex ibiddel il-fehma tiegħu u jmur jiddibatti.

“Ejja fuq Xarabank ħa niddibattu. Ħa nuru min għandu għal qalbu ż-żgħażagħ, il-pensjonanti, il-ħaddiema...” kompla jgħajjat Delia.

'Minn xiex qed jibża' Muscat ... minn xiex qed jibża' l-Labour?"

Ma setax jonqos li jitkellem dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li dalgħodu ċaħdet it-talba tiegħu biex jingħata kopja tal-inkjesta Egrant.

Il-Kap Nazzjonalista rrefera għal siltiet mis-sentenza u qal li l-Qorti kkofermat li l-irwol tal-Oppożizzjoni hija li tkun “għassies pubbliku” fuq il-Gvern u kkonfermat ukoll li l-kontenut tal-inkjesta huwa ta’ interess pubbliku.

Kien għalhekk, li Delia insista li wara li dak li ddikjarat il-Qorti issa xejn mhu qed iżomm lill-Prim Ministru milli jippubblika r-rapport sħiħ.

“Ippubblika r-rapport sħiħ illum qabel għada, ħalli nkunu nafu minn xiex qed jibqa’ l-Prim Ministru ... biex inkunu nafu għalfejn qed jibża’ l-Partit Laburista,” saħaq Delia.

Ippubblika r-rapport sħiħ illum qabel għada, ħalli nkunu nafu minn xiex qed jibqa’ l-Prim Ministru ... biex inkunu nafu għalfejn qed jibża’ l-Partit Laburista

Kien hawn li fakkar fi kliem il-Prim Miinstru meta qal li jrid jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta u staqsa jekk għamilx dan għax kien jaf li l-parir tal-Avukat Ġenerali kien se jkun bil-kontra.

Insista, li Muscat fetaħ l-inkjesta għall-iskopijiet politiċi biss. Saħaq li ma kinitx xi kawża personali u fetaħha biex ikun jista’ jagħmel “statement politiku.”

Dar jitkellem fuq l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju u reġa’ tenna li din tista’ tkun l-ewwel pass biex il-poplu jibgħat messaġġ lill-Gvern.

“Jekk inti ma tagħtix kas lill-pajjiżna se jqumu l-Maltin u l-Għawdxin,” saħaq Delia waqt li insista li din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti.

Zammit Dimech jgħid li jekk hemm bżonn il-każ Egrant jittieħed quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

Tul l-attività tkellem ukoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech li ħeġġeġ lil Adrian Delia biex jibqa’ jiddefendi d-drittijiet tal-poplu.

Fakkar li Delia, diġà se jkun qed jappella d-deċiżjoni ta’ dalgħodu dwar ir-rapport Egrant quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u insista li jekk hemm bżonn, dan il-każ jittieħed ukoll quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Insista li l-Maltin għandu dritt ikun jaf x’fih ir-rapport tal-inkjesta Egrant waqt li saħaq li anke “preżentatur tal-One” kellu f’idu aktar informazzjoni milli għandu l-poplu.

Kien hawn li appella lill-votanti biex joħorġu jivvutaw għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, biex fi kliemu, Joseph Muscat ma jaħtafx ukoll taħt idejh ir-rappreżentanza fil-Parlament Ewropew.

‘Nibqgħu nittamaw li l-PN iġib l-aħjar riżultat possibbli’

Matul l-attività tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li tkellem dwar l-importanza li kulħadd jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Fakkar li fl-Imsida, fl-aħħar elezzjoni lokali, id-distakk bejn il-partiti kien ta’ 27 vot biss fl-ewwel għadd u ta’ 15-il vot biss fl-aħħar għadd.

Kien għalhekk li ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jikkonvinċu kemm jista’ jkun nies biex jivvutaw waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista mhux biss qed jipproponi proposti aħjar iżda anke kandidati aħjar mill-Partit Laburista.

Dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Karol Aquilina, qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qatt ma rebaħ dawn l-elezzjonijiet, jibqa’ jittama li l-Partit Nazzjonalista “jġib l-aħjar riżultat possibbli.”

Insista li jemmen li l-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista huma importanti biex jibqgħu jiddefendu lil Maltin.

Tul l-attività tkellmet ukoll il-kandidata Roselyn Borg Knight u Roberta Metsola

More in Politika