Il-Qorti tiċħad it-talba ta' Adrian Delia biex jingħata kopja tal-inkjesta Egrant

S'issa l-Prim Ministru dejjem qal li jixtieq jippubblika r-rapport iżda l-Avukat Ġenerali insista bil-kontra

Dalgħodu, l-Imħallef Robert Mangion ċaħad talba li kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta Egrant.

Delia kien fetaħ wara li mill-inkjesta sħiħa tal-Maġistrat Aaron Bugeja kienu ġew ippubblikati biss il-konklużjonijiet li kienu jisħqu li ma kien hemm l-ebda prova li torbot lill-Prim Ministru jew xi ħadd mill-familja tiegħu mal-kumpanija Egrant.

Il-Prim Ministru, li għandu f'idu r-rapport sħiħ, huwa tal-fehma li dan għandu jkun ippubblikat, iżda l-Avukat Ġenerali huwa kontra.

Tul is-smigħ, l-Avukat Ġenerali kien saħaq mal-Qorti li r-rapport ma għandux ikun ippubblikat anke jekk minnu jitneħħew ċertu dettalji.

Adrian Delia kien talab lill-Avukat Ġenerali biex anke hu jingħata kopja. Meta dan ċaħad, Delia insista li l-Avukat  Ġenerali kien qed jiksirlu d-drittijiet tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u kien għalhekk li fetaħ din il-kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Fl-argumenti tiegħu, l-Avukat Ġenerali kien saħaq li l-Oppożizzjoni ma għandhiex irwol investigattiv u jekk xejn, huma l-ġurnalisti li jilagħbu dan l-irwol.

"L-inkjesta ma għandhiex tintuża minn Membru Parlamentari għall-vantaġġ politiku," dejjem insista l-Avukat Ġenerali.

Iżda l-argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni dejjem kien li l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja, it-tnejn li huma għandhom kopja u għalhekk dejjem insista li bid-deċiżjoni tiegħu, l-Avukat Ġenerali qed ipoġġi lill-Oppożizzjoni fi żvantaġġ politiku.

Aqra aktar dwar dan:

More in Politika