Illejla se jingħalqu l-karreġġjati kollha fi Triq Aldo Moro li jagħtu għall-Belt

Il-karreġġjati kollha se jkunu magħluqin illejla bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ għada filgħodu

Illejla se tkun qed titlesta t-tieni fażi tal-proġett tal-Junction tal-Marsa billi se tingħata l-aħħar kisja ta’ asfalt lill-wiċċ tal-karreġġjata tat-tramuntana ġdida b’sitt korsiji fi Triq Aldo Moro, il-Marsa

Għalhekk, illejla, il-karreġġjati kollha se jkunu magħluqin illejla bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija (19:00) u s-sitta ta’ għada filgħodu (06:00).

Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw min-naħa tan-nofsinhar ta’ Malta minn Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija u Triq Giuseppe Garibaldi, lejn Triq Aldo Moro fid-direzzjoni tal-Marsa, Ħal Qormi u l-Belt Valletta, se jiġu ggwidati biex jgħaddu mir-rotta ta’ Ħal Luqa.

Waqt li t-triq tkun magħluqa, Infrastructure Malta u l-kuntratturi tagħha se jagħtu l-aħħar kisja lill-wiċċ ta’ din il-karreġġjata, li nbniet mill-ġdid u twessgħet fix-xhur li għaddew. Dan ix-xogħol mistenni jieħu madwar 11-il siegħa u se jinvolvi aktar minn 30 ħaddiem.

Wara li jitlesta dan ix-xogħol, it-tieni fażi tal-Marsa Junction Project tkun prattikament tlestiet. Fil-jiem li ġejjin, ikun jonqos biss li jinżebgħu il-marki tal-korsiji fuq l-asfalt ġdid, kif ukoll it-twaħħil ta’ tabelli u tagħmir ieħor tat-triq.

Intant, Infrastucture Malta għaddejja wkoll bit-tħejjijiet biex qabel tmiem din is-sena tvara t-tielet fażi tal-proġett li se tinkludi l-bini ta’ seba’ pontijiet li se jsiru flok is-sistema tas-sinjali bid-dwal li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li kienet tinkludi t-twaqqigħ ta’ żewġ fabbriki antiki sabiex minflokhom jinbnew il-pontijiet u t-toroq ġodda, tlestiet aktar kmieni din is-sena. II-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Gvern Lokali, Triq Ġużè Gatt (it-tarf ta’ Triq il-Gvern Lokali) u t-twessigħ ta’ Triq Aldo Moro għal għaxar korsiji kienu parti mit-tieni fażi tal-proġett.

B’investiment ta’ €70 miljun, il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’ seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura oħra.

More in Politika