Agius jistaqsi jekk Egrant hijiex tal-Labour...Il-Kap Eżekuttiv tal-PL jgħajru giddieb

David Agius jistaqsi għalfejn il-Gvern qed jeħodha bil-mod dwar il-pipeline tal-gass u staqsa jekk sadanittant nies viċin il-PL hux qed idaħħlu l-eluf

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius staqsa jekk il-kumpanija Egrant hijiex tal-Partit Laburista waqt li insista li kull meta għamel din id-dikjarazzjoni qatt ma kienet ippubblikata ċaħda mill-Partit Laburista.

Madanakollu, immedjata kienet it-tweġiba tal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista li għajjar lil Agius giddieb.

Tul id-diskors tiegħu, Agius għamel referenza għal dak li l-Partit Nazzjonalista qiegħed isejjaħlu bħala 'serq' fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

Waqt li insista li l-flus li l-ARMS tiġbor imorru għand l-Enemalta, kompla jfakkar li din kienet daħlet f'kuntratt mal-ElectroGas li rebħet it-tender tal-Gvern biex tibni u topera l-power station tal-gass u anke t-terminal tal-LNG f’Delimara

Din il-kumpanija tbigħ l-elettriku lill-Enemalta wara li hi tixtri l-LNG mingħand is-Socar, kumpanija tal-Istat Ażeri, li min-naħa tagħha tixtrih bi prezz irħas mingħand kumpanija oħra Shell.

Kien hawn li daħlet fin-nofs il-Kumpanija 17 Black li l-Proġett Daphne kien irrefera għaliha bħala waħda mit-“target clients,” biex tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kumpaniji li kienu fetħu u li huma rreġistrati fil-Panama.

David Agius kompla jfakkar li l-istess ġurnalisti kienu rrappurtaw li f'17 Black kienu daħlu $200,000 mill-aġent lokali għat-Tanker tal-LNG.

Fid-dawl ta' dan kollu, staqsa jekk hux għalhekk li, fi kliemu, il-Gvern qed jeħodha bil-mod dwar il-pipeline tal-Gass bejn Malta u Sqallija biex skontu, persuni viċin il-Partit Laburista "jibqgħu jdaħħlu l-flus forsi xi election grant," referenza għall-kumpanija Egrant.

Aktar tard, f'battibekk mad-Deputat Stefan Zrinzo Azzopardi, Agius insista li hu mhux qed jiddikjara dan iżda sempliċiment qed jistaqsi u jitlob tweġiba. 

 

More in Politika