L-ElectroGas b'rapport lill-Pulizija wara 'ħruġ ta' informazzjoni'

Il-Proġett Daphne ħabbar li għandu f'idu 680,000 dokument mill-kumpanija tal-enerġija li kienu spiċċaw f'idejn Daphne Caruana Galizia

L-ElectroGas għamlet rapport lill-Pulizija dwar “possibilità” ta’ ħruġ ta’ informazzjoni wara li l-Proġett Daphne qal li eluf ta’ dokumenti spiċċaw f’idejn il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali, minn 18-il kamra tal-aħbarijiet, qalu li għandhom f’idhom 680,000 dokument mill-kumpanija tal-enerġija.

Skont rapporti fuq The Guardian u ankeThe Times of Malta, mill-ftehim bejn il-Gvern u l-ElectroGas, il-pajjiż qed jitlef miljuni.

Intant, mal-MaltaToday, kelliem għall-kumpanija qal li saru jafu bil-possibbilità ta’ ħruġ tal-informazzjoni mis-sistema tal-IT wara li saret investigazzjoni interna. Iżda l-kumpanija ma qalitx kif inħarġet din l-informazzjoni.

L-ElectroGas rebħet it-tender tal-Gvern biex tibni u topera l-power station tal-gass u anke t-terminal tal-LNG f’Delimara.

Il-kumpanija tbigħ l-elettriku lill-Enemalta wara li hi tixtri l-LNG mingħand is-Socar, kumpanija tal-Istat Ażeri, li min-naħa tagħha tixtrih bi prezz irħas mingħand Shell.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Gvern iddefenda dan il-ftehim u insista li għall-kuntrarju ta’ dak allegat, il-Maltin qed jixtru l-elettriku bi prezz ħafna irħas minn taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

Kemm il-Partit Nazzjonalista u anke l-Partit Demokratiku staqsew x’rabta hemm bejn dan il-ftehim u l-kumpanija 17 Black. Dan wara li l-istess Proġett Daphne qalu li 17 Black irċeviet trasferiment ta' $200,000 mill-aġent Malti li jissupplixxi l-LNG.

Aqra wkoll: 

More in Politika