'Brian Tonna involut fil-proċess tal-għażla għall-bini u l-operat tal-power station'

Esperti differenti qalu ma' The Guardian li Malta qed titlef il-miljuni minħabba l-kuntratt tal-enerġija

Nexia BT, kellha rwol importanti fl-għażla ta’ min kellu jibni u jmexxi l-power station il-ġdida, allega rapport ta' TheTimes of Malta bħala parti mill-Proġett Daphne.

Ir-rapport jgħid li l-gazzetta għandha informazzjoni li turi kif Brian Tonna, li għen lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri jiftħu l-kumpaniji fil-Panama, kien wieħed minn dawk involuti fil-proċess tal-għażla.

Ma’ Tonna, fuq il-kumitat tal-Enemalta kien hemm tliet uffiċjali oħra ta’ Nexia BT.

Is-sena li għaddiet il-Gvern irrifjuta li jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li kienu parti mill-kumitat li għażel lil min se jibni u jmexxi l-powerstation tal-gass.

Intant, meta mistoqsi dwar l-uffiċjali ta’ Nexia BT, il-Ministru Konrad Mizzi insista ma’ The Times of Malta li fi żmien li sar il-proċess tal-għażla, kien għadu qatt ma tkellem ma’ Nexia BT dwar il-kumpanija fil-Panama.

Fuq l-istess kumitat kien hemm Godwin Sant, eks direttur u Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA), maħtur mill-Ministru Konrad Mizzi u li qed jaffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus meta aċċetta “rigali” mingħand in-negozjant taż-żejt George Farrugia. Sant qed jiċħad l-akkużi.

David Galea sid ta’ BEAT Consultancy, in-Nutar Marco Burlo u l-Kap ta’ Identity Malta, Joe Vella Bonnici kienu wkoll membri tal-istess kumitat. It-Times of Malta tinnota li dawn huma kollha huma persuni viċin il-Ministru Konrad Mizzi. Il-Kumitat kien magħmul minn 25 persuna b'kollox.

Kelliem għall-Enemalta insista li l-konsulenti kollha li kienu parti mill-kumitat ta’ għażla kienu magħżula minħabba l-esperjenza u l-kwalifiki tagħhom.

'Malta qed tħallas id-doppju għall-prezz tal-LNG' - Espert lil The Guardian

Matul is-sena li għaddiet, Malta kienet qed tħallas id-doppju għall-prezz tal-gass, hekk kif il-prezz taż-żejt u l-gass naqas drastikament.

Simon Pirani, espert li tkellem ma’ The Guardian, waħda mill-kmamar tal-aħbarijiet involuta f’Daphne Project, qal li Malta jmissha tinnegozja mill-ġdid il-kuntratt li sar bejn l-Electrogas u l-kumpanija fl-Ażerbajġan Socar.

Fi kliem l-espert, Malta qed titlef il-miljuni minħabba dan il-kuntratt.

Id-dettalji tal-kuntratti, li sa issa ma kinux kollha magħrufa, spiċċaw f’idejn Daphne Caruana Galizia, ftit xhur qabel inqatlet.

Jidher b’kollox, Caruana Galizia, kellha f’idha 680,000 dokument li ġew leaked lilha mill-konsorzju Electrogas

Wieħed minn dawn il-kuntratti huwa dwar ftehim ta’ $1 biljun li Electrogas iffirmat ma’ Socar u li jorbot lil Malta biex tixtri l-gass mingħandha għal 10 snin.

Kif qed jinxtara l-LNG?

L-Enemalta u l-Electrogas qed jixtru l-gass mingħand is-Socar għal €9.40 kull unit. Dan il-prezz huwa fiss sal-2022.

Skont The Guardian, il-kuntratti jorbtu lil Enemalta biex kull sena tixtri €131.6 miljun f’LNG.

L-Electrogas tixtri l-LNG mingħand is-Socar, li min-naħa tagħha tixtrih bi prezz irħas mingħand Shell.

Diversi esperti li tkellmu ma’ The Guardian insistew illi li kieku Malta daħlet fi ftehim direttament ma’ Shell, kienet se tiffranka ħafna flus.

Socar qed tagħmel profitt ta’ $40 miljun minn fuq Malta

Simon Pirani huwa wieħed mill-esperti li ngħata dawn id-dokumenti biex ikun jista’ janalizzahom.

Huwa qal li s-Socar qed tagħmel profitt ta’ €32.7 miljun minn fuq Malta.

L-istess espert tefa’ dubju fuq l-irwol ta’ Socar fil-forniment tal-LNG u anke fuq id-deċiżjoni li l-prezz ikun fiss għal 5 snin.

L-espert, li huwa riċerkatur fl-Istitut f’Oxford għall-Istudji tal-Enerġija qal li tul l-2015, Malta l-Enemalta qed tħallas ħafna aktar minn kemm qed iħallsu kumpaniji tal-enerġia fil-Greċja, fl-Italja u fit-Turkija.

Konsulenti tal-Electrogas kienu wkoll tefgħu dubji fuq Socar

L-istess dokumenti kienu analizzati minn esperti oħra f’Londra li nnutaw kif konsulenti ta’ Electrogas ukoll kienu tefgħu dubju fuq l-involviment ta’ Socar.

“Dan il-ftehim mhux tas-soltu,” saħaq wieħed mill-konsulenti waqt li nnota li aktar jagħmel sens li l-kuntratt isir direttament ma’ min qed jissupplixxi l-LNG, f’dan il-każ il-kumpanija Shell.

Aqra wkoll: 

More in Politika