Erba' eks sindki Nazzjonalisti jagħtu darhom lill-partit

Erbgħa sindki jew eks sindki Nazzjonalisti jbiddlu kulurhom, b'tnejn jikkontestaw l-elezzjonijiet ta' Ġunju mal-Partit Laburista, u tnejn b'mod indipendenti

L-eks sindku Nazzjonalista tal-Għasri, Daniel Attard, jindirizza attivita politika tal-Partit Laburista.
L-eks sindku Nazzjonalista tal-Għasri, Daniel Attard, jindirizza attivita politika tal-Partit Laburista.

Erba’ sindki / eks sindki Nazzjonalisti tfaċċaw fuq il-karta tal-vot għal elezzjoni oħra, iżda mhux mal-partit li qabel kienu joħorġu mieġu.

Is-Sindku tal-Għasri, Daniel Attard, li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista fi Frar ta’ 2022, se jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej mal-Partit Laburista.

Iżda din l-aħbar ma kinitx ta’ sorpriża għal bosta, tikkunsidra ir-riżenja tiegħu, li ħalliet patt mhux żgħir fuq il-partit.

Fil-fatt is-sindku Attard, kien ħa ritratt mal-Prim Ministru Robert Abela, ftit wara r-riżenja tiegħu.

Huwa baqa’ sindku, iżda indipendenti, u saħansittra indirizza attivita politika tal-Partit Laburista f’Għawdex, mingħajr ma kkonferma jekk hux se jikkandida ruħu mal-PL.

Miegħu naraw lill-eks sindku Nazzjonalista Nicky Saliba, li minkejja li kien elett bħala Sindku indipendenti ħames snin ilu, issa wkoll se jikkontesta mal-Partit Laburista.

Min-naħa l-oħra, is-Sindku Nazzjonalista tal-Fontana Saviour Borg se jkun qed joħroġ bħala kandidat indipendenti, l-istess bħal l-eks Sindku Nazzjonalista David Apap.

More in Politika