Ma fhimtx eżatt x'ġara dwar il-Pilatus? Hawn hi l-istorja s'issa...

Il-Bank Pilatus mhux illum l-ewwel li smajna bih. Fil-fatt smajna bih ħafna drabi fl-aħħar sena. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak kollu li ġara u dawk kollha li ssemmew qabel l-arrest taċ-Ċermen tal-Pilatus

L-Iljun , is-simbolu ta' Pilatus
L-Iljun , is-simbolu ta' Pilatus

Sa ftit zmien ilu l-Bank Pilatus, ħadd qatt ma kien sema’ bih. F’daqqa waħda dan spiċċa f’nofs bosta kontroversji politiċi u parti minn inkjesta maġisterjali li l-eżitu tagħha, taf tkun assolutament diżastruża għal parti politika jew oħra.

Din il-ġimgħa, bl-arrest ta’ Ali Sadr Hasheminejad reġgħet qamet diskussjoni sħiħa dwar il-bank Pilatus, l-istejjer li kienu ħarġu dwaru, il-fatti dwaru, il-kontijiet li kien hemm fih u anke eks impjegata tiegħu partikolari; Maria Efimova.

L-ILLUM tat ħarsa lejn l-istorja kollha li titratta il-Bank f’Malta u dak kollu li ntqal u kien irrapportat kemm mill-gazzetta ILLUM kif ukoll minn diversi ġurnali u bloggs oħrajn.

Japplika u jiftaħ il-bank

Bħal kwazi f’kull ħaġa oħra li tmiss mal-politika f’Malta l-fatti għandhom ħabta jkunu oskurati. X’inhuma l-fatti dwar il-ftuħ tal-Pilatus Bank f’Malta?

L-applikazzjoni biex dan il-Bank jiftaħ u jopera f’Malta beda fl-2012, dak iż-żmien taħt Gvern Nazzjonalista. Il-gazzetta ILLUM kienet fil-fatt żvelat dan lura f’Mejju tas-sena l-oħra u kienet irrappurtat ukoll li kien il-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien Tonio Fenech li ltaqa’ u ħeġġeġ lil Hasheminejad biex jinvesti f’bank privat bħala parti mill-politika biex is-settur finanzjarju f’pajjiżna jissaħħaħ. Mas-sit illum.com.mt iżda din il-ġimgħa Fenech ċaħad illi qatt iddiskuta din il-materja maċ-Ċermen tal-Bank Pilatus, għalkemm ma ċaħadx illi f’xi punt meta kien Ministru ltaqa’ mal-istess Ċermen.

Dokumenti tal-MFSA, li fil-fatt kienu ppubblikati fuq l-istess illum.com.mt juru li r-reġistrazzjoni tal-Pilatus saret fis-6 ta’ Diċembru 2013 u ħarġet il-liċenzja tal-Bank fis-6 ta’ Awwissu 2015. Dokument ieħor juri li fil-fatt liċenzja oħra li ngħata l-Bank (Trading Licence) kien fl-2014 u dan biex seta’ jopera.

Jiġifieri l-fatti juru li l-proċess beda taħt Gvern tal-PN, imma l-liċenzjar u l-operazzjoni seħħ taħt Gvern Laburista.

Hasheminejad meta kien hiereġ bil-famużi bagalji mill-Bank Pilatus wara l-allegazzjoni dwar Egrant
Hasheminejad meta kien hiereġ bil-famużi bagalji mill-Bank Pilatus wara l-allegazzjoni dwar Egrant

Egrant u bagalji li Hasheminejad ħareġ bihom bil-lejl

L-ewwel darba li dan il-bank verament spiċċa fuq il-midja u litteralment fuq fomm kulħadd kien nhar l-20 ta’ April 2017. Fil-fatt minuta eżatt qabel it-tmienja ta’ filgħaxija Daphne Caruana Galizia ippublikat storja illi fiha kien hemm miktub hekk; “Fil-kċina f’Pilatus bank hemm ‘safe’ b’ċerti ‘files’ u anke dokumenti ta’ segretezza estrema. Is-safe kien ikun fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv, imma għal xi raġuni tneħħa... f’dan is-safe hemm dokumenti ta’ klijenti Russi u ta’ Maltin esposti politikament (PEPs) inkluż John Dalli... u Keith Schembri.”

Imbagħad Caruana Galizia kienet kompliet billi qalet illi dan is-safe kien fih ukoll dikjarazzjoni li turi illi l-ishma tal-kumpanija fil-Panama Egrant Inc jinsabu f’isem Michelle Muscat.

Minn hemmhekk Malta xegħlet b’diskussjoni, dibattiti, argumenti u kampanja politika sħiħa b’din l-aħbar tkun imxerrda minn kważi 22,000 persuna.

F’daqqa waħda l-attenzjoni ta’ Malta, intefgħet fuq dak il-bini kbir f’Ta’ Xbiex fejn hemm il-Bank Pilatus.

Iktar tard ġurnalisti tal-midja tal-PN kienu marru fil-post fejn għall-ewwel darba deher Ali Sadr Hasheminejad, persuna li sa dakinhar ħadd, qatt ma kien sema’ bih. Hu deher ħiereġ b’żewġ bagalji. Minn hemmhekk, qamet diskussjoni sħiħa dwar x’seta’ kien hemm f’dawn iż-żewġ bagalji.

Partitarji Nazzjonalisti u bosta magħhom sostnew li Hasheminejad kien qed jittrasporta dawn il-famużi dokumenti mill-Bank Pilatus. Partitarji Laburisti u ħafna magħhom fakkru illi Bank ikollu tranżazzjonijiet li jsiru b’mod elettroniku mhux bil-karti. Il-Bank Pilatus sostna li is-sid tiegħu kien għadu ġej mis-safar.

L-għada f’atmosfera politika tqila u mimlija suspetti, l-PM kien sejjaħ għal inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjoni ta’ Caruana Galizia.

Max-xandir tal-Istat, l-istess Hasheminejad kien qal illi l-Bank kien offra mal-20 ġurnata f’filmati CCTV li minnhom l-inkjesta kellha tiddeċiedi jekk fil-fatt infetħux il-bagalji jew itteħdux xi dokumenti mill-Bank.

Jinfetaħ libell, libellun kontra Daphne Caruana Galizia

Minkejja li kienet irrapportata nhar il-31 ta’ Jannar, ftit wara l-allegazzjonijiet dwar Egrant il-Bank Pilatus fetaħ libell kontra Daphne Caruana Galizia, nhar it-8 ta' Mejju, fil-Qorti Superjuri ta' Maricopa County, fl-istat tal-Ariżona.

Il-libell, li sar minn Hasheminejad, kien se jitla’ għall-miljuni ta dollari a skapitù ta’ Caruana Galizia. Il-Bank Pilatus kien akkuża lil Caruana Galizia illi ġabet ruħha b'mod malizzjuż, opressiv u saħansitra razzist. 

Punt numru 33 fil-libell jgħid illi Daphne Caruana Galizia qed tkun akkużata illi intenzjonalment “immiżapproprijat u ppubblikat informazzjoni kunfidenzjali, inkluż ismijiet ta’ klijenti tal-Bank.” 

Dan il-libell fil-forma ta’ SLAPP wassal biex id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jressaq leġislazzjoni biex Malta ma tirrikonoxxix libelli li jsiru barra mill-pajjiż, bil-għan li l-libell minnu nnifsu jkisser lid-dar tal-midja finanzjarjament.

Il-Bank Pilatus f'Ta' Xbiex
Il-Bank Pilatus f'Ta' Xbiex

Titfaċċa Maria Efimova, eks impjegata ta’ Pilatus

Imbagħad tfaċċa l-isem Maria Efimova, li din il-ġimgħa wkoll issemmiet fil-midja. Waqt li l-pajjiż kompla għaddej b’dibattitu jaħraq fost botti, risposti u dimostrazzjonijiet, nhar it-28 ta’ April Daphne Caruana Galizia fi blogg ieħor qalet illi din il-Whistleblower kienet telgħet tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja. Caruana Galizia dakinhar żvelat ukoll li din kienet eks impjegata tal-Bank Pilatus u li damet quddiem il-Maġistrat Bugeja tliet sigħat. Hija qalet ukoll li kienet qed tikteb il-blogg bil-permess tagħha.

 Is-sit illum.com.mt  jiżvela wkoll li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija talli użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti li akkużata bi frodi u rapporti foloz.

Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’.

Il-Bank akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja għall-ispejjeż tal-bank. Kien żvelat ukoll kif il-mara kienet biddlet l-avukat tagħha u sussegwentement beda jidher għaliha avukat mill-uffiċċju ta’ Ann Fenech.

L-għada, Caruana Galizia qalet li mhux veru illi Efimova wettqet reat ta’ frodi u spjegat din kienet ħadmet għal tliet xhur għall-Pilatus u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda li se tirċievi l-paga permezz tal-posta. Caruana Galizia kienet kitbet hekk:  “Malli l-Bank sar jaf bir-rapport, huma (il-Bank Pilatus) mill-ewwel fetħu rapport b’ritaljazzjoni kontriha u akkużawha li kienet qed tuża l-flus tal-bank biex issiefer mal-familja... żammewha f’ċella minn filgħodu sa filgħaxija...”

U l-Bank Pilatus min kien jużah? Min huma l-allegati klijenti?

Hemm diversi stejjer dwar il-klijenti jew l-allegati klijenti tal-Bank Pilatus. Naraw min huma:

It-tfal ta’ Aliyev: Nhar it-23 ta’ April, jiġifieri qabel ma bdiet l-istorja kollha dwar Egrant, fuq il-blogg tagħha Daphne Caruana Galizia kienet allegat illi skont sorsi li kellmuha tnejn, minn madwar tliet klijenti kbar tal-bank, huma Heydar Aliyev u Leyla Aliyeva. Iben u bint Ilham Aliyev. Hija kienet qalet ukoll li l-akbar klijent huwa Kamaladdin Heydarov, Ministru fl-Ażerbajġan.

Il-familja Aliyev, hija waħda li għandha ġid u poter kbir ħafna. Mart Ilham Aliyev hija sidt fondazzjoni li kellha kontroll sħiħ ta’ AtaHolding. Il-bniet ta’ Aliyev kienu jikkontrollaw kumpanija inkorporata fil-Panama u tnejn oħrajn fil-British Virgin Islands.

L-Ażerbajġan ftit kellha rabta ma’ Malta għajr għal iktar kmieni fl-ewwel leġislatura ta’ Gvern Laburista illi matulha kien iffirmat ftehim mal-ġgant tal-enerġija mill-Ażerbajġan SOCAR, li kien ifisser il-bini tal-Power Station il-ġdida li taħdem bil-gass f’Delimara. Iktar kmieni kienet saret laqgħa bejn Aliyev u Muscat fi żjara li ma kinitx miftuħa għall-midja.

Il-Mexxej tal-Ażerbajġan Illham Aliyev
Il-Mexxej tal-Ażerbajġan Illham Aliyev

L-argument li dan il-bank jiddependi minn numru żgħir ta’ nies u mill-Ażerbajġan kien ikkonfermat mid-Deputat Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU Anthony Buttigieg. Mistoqsi minn numru ta’ MEPs li ġew Malta huwa kien qal hekk; “...ninsabu konxji li l-Bank Pilatus għandu kontijiet direttament jew indirettament ta’ persuni mill-Ażerbajġan, kif ukoll depożiti sinjifikati minn persuni mill-Ażerbajġan. Fuq il-bażi ta’ dan qed nagħmlu aktar verifiki.”

John Dalli: L-istess rapport tal-MEPs ippubblikat iktar kmieni din is-sena żvela kif l-eks Ministru Nazzjonalist, eks Kummissarju Ewropew u eks Konsulent tal-PM Joseph Muscat seta’ kellu kont f’dan il-Bank. Fil-fatt l-FIAU, kienet ikkonfermat, illi “hu (Dalli) jista' jkollu kont mal-bank (Pilatus), bħala resident ta' nazzjonalità Maltija."

Dalli kien ikkonferma li kellu dan il-kont mas-sit LovinMalta iżda ġie rrappurtat jgħid ukoll li ilu li ngħalaq dan il-kont.

Josè Eduardo Paulino: Nhar l-24 ta’ April Daphne Caruana Galizia kien kitbet blogg illi fih qalet li iben id-Dittatur tal-Angola Josè Eduardo Dos Santos, Josè Eduardo Paulino huwa klijent ta’ dan il-bank ukoll.

Hija kienet kitbet li kmieni fl-2016 avukati Portugiżi kienu għamlu arranġamenti mal-Bank Pilatus għal kont ta’ kumpanija fil-Portugall. Caruana Galizia kienet qalet ukoll li ftit ġimgħat wara żewġ rappreżentanti tal-kumpanija kienu ġew Malta fejn allegatament kellhom laqgħa mal-Bank Pilatus u li fiha infurmaw lil bank li l-ishma tal-kumpanija Portugiża issa għaddew għand id-dittatur Dos Santos. “Minflok għalqu l-kont, il-Kap Ezekuttiv tal-Bank qallhom li mhux problema.”

Brian Tonna
Brian Tonna

Brian Tonna u Keith Schembri: Fl-eqqel tal-allegazzjonijiet dwar Egrant u ftit biss qabel ma tħabbret id-data tal-elezzjoni l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien organizza konferenza tal-aħbarijiet illi matulha kien għamel allegazzjonijiet serji dwar Brian Tonna u Kieth Schembri, li dawn it-tnejn ċaħdu bil-qawwi.

Keith Schembri
Keith Schembri

L-allegazzjoni kienet li Brian Tonna rċieva €166,831 fi ħlasijiet ta’ riferiment mill-bejgħ tal-passaporti (Individual Investor Programme). Hu allega li għandu provi li juru illi Tonna rċieva dawn il-flus fil-kont li għandu f’Pilatus għall-kumpanija fil-British Virgin Islands u li kien sar, allegatament, trasferiment ta’ €100,000 minn dawn liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, f’kont li dan għandu/kellu fil-Bank Pilatus. Kemm Tonna kif ukoll Schembri ċaħdu u bdew proċeduri ta’ libell. Schembri sejjaħ dawk ta’ Busuttil; “parti minn kampanja ta’ gideb”.

Negarin Sadr
Negarin Sadr

Negarin Sadr: Għal darb’oħra kient Daphne Caruana Galizia fi blogg miktub nhar il-21 ta’ April li allegat illi f’Marzu 2016 il-Bank Pilatus irċieva struzzjonijiet biex jinfetaħ kont għal Negarin Sadr, oħt Ali Sadr Hasheminaja. Hija qalet illi allegatament mal-$1 miljun għaddew bħala self lil Negarin minn dan il-kont.

Kompliet issostni wkoll illi kif allegatament kien hemm struzzjoni oħra li $400,000 jgħaddu mill-kont ta’ Nagarin Sadr għal ta’ mara li għandha negozju f’New York. Caruana Galizia kienet allegat li din hija Michelle Buttigieg. Buttigieg hija ħabiba ta’ Michelle Muscat.

Il-gazzetta Maltatoday nhar it-22 ta’ Jannar ta’ din is-sena żvelat kif il-Maġistrat Aaron Bugeja kien qed ifittex assistenza forensika mir-Renju Unit dwar din l-allegazzjoni partikolari.

130 b’€300 miljun: Naturalment din l-informazzjoni hija dik pubblika s’issa. L-FIAU stess qalet li l-Bank Pilatus għandu mal-130 klijent b’depożiti ta’ €300 miljun.

L-MEP David Casa
L-MEP David Casa

David Casa jitlob għar-revoka...

L-MEP Nazzjonalista David Casa talab lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) biex jintervjeni u tiġi revokata l-liċenzja tal-Bank Pilatus. L-MEP Nazzjonalista appella lill-ECB biex juża l-poteri disponibbli biex tiġi revokata l-liċenzja lill-bank, speċjalment wara li l-Parlament Ewropew approva r-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.
Filwaqt li qatt ma kien hemm dan it-tip ta’ preċedent, David Casa qal li l-Bord tas-Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jagħmel użu mill-Mekkaniżmu tas-Superviżjoni u jintervjeni.

...L-arrest taċ-Ċerman Hasheminejad

L-aħħar żviluppi fil-każ tal-Bank Pilatus seħħew din il-ġimgħa meta Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti fuq sitt akkużi serji li jistgħu jarawh iqatta’ l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs jekk jinstab ħati. Huwa kien arrestat fuq l-akkuża ta' konfoffa biex ikun frodat l-Istati Uniti għandha piena massima ta' ħames snin. L-akkuża dwar konfoffa li jikser l-IEEPA li għandha piena massima ta' 20 sena, dik ta' frodi tal-bank, b’piena massima ta' 30 sena, l-akkuża ta' konfoffa biex isir frodi tal-Bank, b’piena massima ta' 30 sena, dik ta' ħasil ta' flus b’piena massima ta' 20 sena u dik ta' konfoffa biex isir ħasil ta' flus, b’piena massima ta' 20 sena. 

L-akkuża ddur ma’ żewġ kumpaniji li Hasheminejad qed jingħad li ħoloq biex iservu ta’ front u għalhekk jgħatti l-fatt li parti mill-flus li kienu deħlin f’dawn il-kumpaniji  kienu qed imorru għand kumpaniji jew persuni Iranjani, kontra l-liġi tal-Istati Uniti.

Ali Sadr Hasheminejad
Ali Sadr Hasheminejad

More in Politika