L-eks futboler Justin Haber se joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

L-eks plejer tal-futbol Justin Haber se joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali f’isem il-Partit Laburista fil-lokalità tal-Furjana

Justin Haber hu magħruf l-aktar għall-karriera twila tiegħu fil-futbol Malti. (Ritratt: Justin Haber / Facebook)
Justin Haber hu magħruf l-aktar għall-karriera twila tiegħu fil-futbol Malti. (Ritratt: Justin Haber / Facebook)

L-eks plejer tal-futbol Justin Haber se joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali f’isem il-Partit Laburista fil-lokalità tal-Furjana.

“Issa li għext 40 sena minn ħajti fostkom, naf il-ħtiġijiet tagħna, u nħoss li issa jmiss li nuża l-għarfien u l-ħiliet tiegħi għall-ġid komuni,” huwa qal, iħabbar in-nomina tiegħu fuq facebook.

Haber hu l-aktar magħruf għall-karriera twila tiegħu fil-futbol Malti, li bdiet fl-1998 mat-tim tal-Furjana stess, u aktar tard waslietu biex ikun il-goal keeper tat-tim nazzjonali Malti, kif ukoll jilgħab ma' timijiet internazzjonali.

Iżda Haber smajna bih fl-aħbarijiet drabi oħra fis-snin li għaddew, speċjalment wara l-avventura qasira tiegħu bħala sid ta’ ristorant.

Fl-2020, ir-ristorant ‘Haber 16,’ li tiegħu Haber kien is-sid, deher fuq is-serje popolari ta’ Netflix ’Restaurants on the Edge.”

Is-serje hu famuż għal progress li ristoranti li jidhru fih jaraw, wara li jkunu fix-xifer ta’ falliment. Intant, mhux kull ristorant jirnexxilu jirkupra. Fil-fatt, minkejja kollox, ir-ristorant ta’ Haber falla ftit wara.

Fl-2023, il-kumpanija ta’ Haber ġiet ordnata tħallas €22,826, fi djun mhux imħallsa, lil kumpanija oħra illi kellha sehem fl-impriża tar-ristoranti.

“Għalkemm jista' jkun li jien wieħed ġdid għalikom fil-politika, nassigurakom li b'umiltà u lealtà se nkun qiegħed inkun fostkom; nisma' l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħkom u nirsisti biex ikollna lokalità ferm aħjar milli digà għandna,” Haber temm jgħid fuq Facebook.

More in Politika