Intervista | ‘Nemmen li l-Pulizija huma kuntenti bil-Kummissarju’
Il-Kummissarju Lawrence Cutajar kważi dejjem fl-għajn tal-kritika. Imma l-membri tal-korp x’jaħsbu dwaru? U kemm sar diffiċli xogħol il-pulizija? Iż-żgħażagħ bla rispett lejn l-awtoritajiet? Il-Pulizija jitħallsu biżżejjed? L-Ispettur Robert Vella jwieġeb...

minn Albert Gauci Cunningham
Fl-aħħar jiem il-Pulizija kienu fuq l-aħbarijiet hekk kif attakk feroċi fuq membru tal-Korp ħalla lil ħafna jistaqsu, jargumentaw jekk mhux ukoll fi xkora inkwiet minħabba messaġġi xejn dinjitużi li tħallew fuq Facebook.
Minkejja li s-sitwazzjoni hija waħda gravi (u minn hawn nixtieq ngħaddi l-appoġġ tiegħi u ta’ din il-gazzetta lill-Korp tal-Pulizija u lill-familja ta’ Simon Schembri) filfatt għenet biex qamet diskussjoni sħiħa dwar il-Korp tal-Pulizija u x-xogħol ta’ dawk il-mijiet ta’ nies li ta’ kuljum jassiguraw, jew jagħmlu mill-aħjar biex jassiguraw, li fil-pajjiż ikun hawn il-bon ordni u l-osservanza tal-liġi.
Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Ispettur Robert Vella, Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija li għandha mal-1,000 membru u li saret unjin fl-2015, flimkien mal-Police Officers Union (POU) li hija affiljata mal-General Workers Union (GWU).
Għamlet differenza kbira…
Qabel inħarsu lejn l-avvenimenti tal-aħħar jiem, nistaqsih dwar id-dritt li pulizija jissieħeb f’unjin. Kien sar ħafna ftaħir dwar din id-deċiżjoni, imma għamlet differenza?
“Iva, għamlet ħafna differenza,” jgħid mill-ewwel Vella. “Għalkemm m’għandhiex id-drittijiet kollha ta’ unjins oħrajn, illum il-ġurnata il-Pulizija għandha iktar vuċi u dak li kien jibqa’ taħt it-tapit, illum nistgħu nesponuh... nistgħu nesponu l-weġgħat u l-problemi li jiffaċċjaw il-pulizija,” temm jgħid.
‘Ma rridx niġġudika, imma xi kultant nistennew aktar...’
Id-diskors mill-ewwel dar fuq l-inċident li ħalla pulizija bejn ħajja u mewt. F’kontribut fil-gazzetta l-Mument ta’ nhar il-Ħadd li għadda Vella jgħid illi huma meħtieġa sentenzi aktar iebsin min-naħa tal-Qorti. Huwa qal hekk, “Huma meħtieġa sentenzi aktar iebsin min-naħa tal-Qorti... jeħtieġ li l-Qrati tagħna japprezzaw aktar il-ħidma tal-Pulizija u jkollhom pieni ħorox għal min iżeblaħ l-uniformi.”
Nistaqsih imma, jekk jaħsibx li huma l-pieni waħedhom li qed iwasslu għal dawn l-attakki. “Ifhem, hija taħlita ta’ kollox. Is-sentenzi huma waħda minnhom. Hemm sentenzi li jkunu tajbin ħafna u oħrajn tistenna ħafna iktar.” Vella jkun pront iżid iżda li mhux se jkun hu li jiġġudika u li hu, kif dejjem għamel, jirrispetta d-deċiżjoni tal-Maġistrati.
“Imma xi kultant nistennew aktar. Illum qegħdin f’sitwazzjoni, u ħa nagħmilha ċara mill-ewwel li jien kontra kull tip ta’ qtil tal-annimali, li jekk toqtol għasfur il-Qorti titratta l-każ bħala aktar gravi minn attakk fuq pulizija.”
Jekk toqtol għasfur persuna teħel €10,000 u jekk pulizija jkun aggredit teħel inqas
Imma nwaqqfu u nistaqsih jekk jaħsibx li qed jiġġeneralizza xi ftit. Jista’ Vella jikkonkretizza aħjar dak li qed jgħid?
“Jekk toqtol għasfur, persuna teħel €10,000 u jekk pulizija jkun aggredit teħel inqas jew tkun attwata l-‘Probation Act’. Issa wieħed naturalment irid jara l-każ u jidħol fid-dettalji speċifiċi...”
Nerġa’ nwaqqfu u nistaqsih jaħsibx li l-pieni jistgħu jkunu r-raġuni għall-attakki li qed isiru.
“Le, mhux dan biss. Hemm bosta fatturi. Biex nagħti eżempju, sa żmien ilu stajna ntellgħu persuna minuri li tkun akkużata li wettqet att, fil-Qorti Ġovanili. Il-Parlament iddeċieda b’mod unanimu biex dan ma jibqax. Jien ma naqbilx magħha din u għal raġuni sempliċi. Jekk kellek tfal li qabdu triq ħażina, il-Qorti tkun tista’ tagħti l-għajnuna u ħafna drabi l-persuna titpoġġa lura fit-triq it-tajba. Dan apparti li ftit li xejn naf minuri li ddaħħlu l-ħabs.”
Bla dixxiplina... imma veru?
Ħafna qed jinsistu li l-ġenerazzjoni tal-lum hija waħda bla rispett u bla morali u huwa għalhekk li qed isiru dawn l-attakki. Vella jaqbel?
“Jidher iva, li hemm sezzjoni li qed juru diżrispett. Rajna nies li ma ddejqu xejn anzi wrew pjaċir għal dak li ġara,” qal Vella b’dispjaċir.
Imma din mhux minoranza żgħira ta’ nies? “Iva, vera, imma meta nara li l-kummenti saru minn persuni li għadhom żgħar fl-età, din tirrifletti fuq il-ġenerazzjoni ta’ għada. Din hija preokupazzjoni għall-pajjiż,” jisħaq l-Ispettur.
Ifakkar illi xogħol il-Pulizija huwa li jżommu l-ordni biex iservu lill-pubbliku. “Però mbagħad meta tara dak li ġara u li ntqal jiddispjaċik u l-moral jitkisser xi ftit.”
(Ara wkoll x’qalu diversi persuni dwar dan il-punt fuq paġni 14 u 15)
Mingħajr pulizija jkollna ġungla...
Fl-istess kontribut Vella isemmi l-importanza ta’ eżerċizzji ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Infakkru imma li nies fil-Korp xorta qed jidħlu, jiġifieri minkejja kull inċident rekluti ġodda qed ikun hemm.
Imma Vella jinsisti li hu jemmen li l-Korp xorta għandu jtejjeb il-PR tiegħu. “Aħna nagħmlu kampanja dwar ix-xorb pereżempju u tajjeb, imma tajjeb li nibdew kampanja wkoll biex ngħarrfu lin-nies bil-ħidma tagħna,” jgħid l-Ispettur. “Kieku mhux għall-pulizija f’pajjiżna ġungla jkollna.”
L-istatitistika qed turi li kien hemm tnaqqis fil-kriminalità f’Paceville. Apparti minn dan il-Gvern fetaħ idejh fuq l-‘overtime Spettur Robert Vella
Ikun hemm min jargumenta li x-xogħol ta’ pulizija minnu nnifsu huwa wieħed riskjuż u allura attakk fuq il-pulizija, anke jekk kundannabbli, jista’ jkun parti mix-xogħol.
Naqblu li dan ix-xogħol fih riskju akbar ta’ vjolenza?
Vella jaqbel li hemm riskji, iżda jgħid ukoll li riskji ssibhom f’kull xogħol u li l-MPA għalhekk qed titkellem, “biex ma niffaċilitawx il-vjolenza u l-attakki. Jekk ħadd mhu se jiftaħ ħalqu u jirranġa l-affarijiet, kull darba li pulizija jinforza l-ordni jaqla’ xebgħa jew jiġi aggredit.”
Bodycams. Se nsiru pajjiż tal-‘Big Brother’?
L-intervista ddur fuq l-uniformijiet u t-talba biex dawn ikunu aġġornati. Imma meta l-MPA, flimkien mal-POU wkoll, qed titlob li jinbidlu l-uniformijiet x’qed jipproponu eżattament?
“L-uniformi tagħna llum il-ġurnata ilna ngħidu li mhux addatta anke kif magħmula, b’ħabel imdendel li xi ħadd jista’ jiġbdek minnu. Aħna rridu li l-Pulizija jkollhom uniformijiet aktar komdi, jekk tmur barra tara pulizija lebsin t-shirt u qalziet iktar komdu. Anke lembubi, jibqgħu neżlin sa rkopptejk meta llum jeżistu lembubi li jistgħu faċilment jingħalqu, dawn affarijiet minimi.”

Vella mbagħad idur fuq il-bodycams, jew kameras li jitweħħlu mal-uniformi tal-pulizija biex kull attakk li jsir quddiem jew fuq il-pulizija jkun iffilmjat. L-Ispettur jgħid li statistika minn barra pajjiżna turi li dawn jesponu ħafna iktar is-sitwazzjonijiet li l-pulizija jkun fihom.
Jibża’ li jista’ jkun hemm lok għall-abbuż? Li niġu qisna big brother? Kullimkien kameras.
“Jiena konxju li f’kull post tax-xogħol hemm min hu tal-affari tiegħu u hemm min le,” jibda jispjega Vella. “Aħna mhux qed ngħidu li għandna nagħtu ‘bodycam’ lill-pulizija kollha mil-lum għal għada. Hemm bżonn ikun hemm leġislazzjoni ta’ meta tista’ tuża bodycam, ikunu ċari r-responsabilitajiet ta’ min jużaha.”
Paceville: kemm hi gravi s-sitwazzjoni?
Qed nitkellmu fuq il-pulizija u allura huwa diffiċli li ma nitkellmux dwar Paceville. Mill-1 sal-10 (bl-10 ikun l-aktar) l-Ispettur Vella kemm jaħseb li hija gravi s-sitwazzjoni f’Paceville bħalissa?
Vella jibda billi jiddeskrivi l-post bħala ‘hot potato’ qabel imbagħad ifakkar li fattwalment, “l-istatitistika qed turi li kien hemm tnaqqis fil-kriminalità f’Paceville. Apparti minn dan il-Gvern fetaħ idejh fuq l-‘overtime’ u allura qed ikun hemm preżenza ikbar ta’ pulizija. Dan possibilment qed iservi ta’ detriment għall-kriminalità.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-MPA huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li l-Pulizija ta’ dan id-distrett ikollhom fuq il-pussess tagħhom saħansitra ‘taser gun’. “Ikun hemm xorb galore u speċjalment filgħodu jkun hemm numru ta’ ġlidiet. Xi kultant il-pulizija jkunu inqas minn dawk involuti fil-ġlieda u jispiċċaw fin-nofs,” jgħid Vella.
Nerġa’ nitolbu jagħtini numru mill-1 sal-10 dwar is-sitwazzjoni f’Paceville bl-10 jkun l-aktar gravi. “Skont il-perjodu. Fix-xitwa, ngħidu aħna mit-Tnejn sal-Ħamis il-gravità tkun ta’ sitta, fil-weekend titla’ għal disa’ u fis-sajf 10 u aktar, għax jiżdiedu n-nies.”
U x’inhuma l-aktar atti kriminali komuni f’Mater Dei? “Drogi, attakki fuq il-pulizija, pickpocketing...”

Vjolenza Domestika: uffiċċji minflok għases
Kull darba li nsemmu l-vjolenza domestika, inkluż din il-gazzetta, jissemmew il-Pulizija. Numru ta’ persuni jirrakkontaw stejjer mhux neċessarjament pożittivi fl-għassa, stejjer ta’ pulizija li mhux neċessarjament fehmu biżżejjed lill-vittma. Imma l-pulizija huma jew mhumiex preparati għal każi ta’ vjolenza domestika? Vella huwa ċar, “aħna nemmnu li l-għases tal-Pulizija mhumiex attrezzati biżżejjed biex jilqgħu nies li jkunu qed jagħmlu dawn it-tip ta' rapporti. Apparti li ma tantx hemm privatezza, il-pulizija mhux daqshekk imħarrgin biex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar sostenn lill-persuni li jagħmlu dan it-tip ta' rapporti. Aktar minn hekk l-għases hemm ħafna attività fihom, in-nies deħlin u ħerġin, u l-pulizija li jkunu xogħol ma jkunux jistgħu jiddedikaw biżżejjed ħin lil dawn il-persuni li ħafna drabi jiġu l-għases sabiex isibu sostenn u sabiex jiftħu qalbhom ma' xi ħadd.”
L-MPA qed tissuġġerixxi li jkun hemm erba’ uffiċċji mqassmin ma' Malta u ieħor f’Għawdex li jkunu ddedikati apposta għal dawk il-persuni li jkunu jridu jirrappurtaw każijiet ta' vjolenza domestika
Vella qal li l-MPA qed tissuġerixxi li jkun hemm erba’ uffiċċji mqassmin ma' Malta u ieħor f’Għawdex li jkunu dedikati apposta għal dawk il-persuni li jkunu jridu jirrapportaw każijiet ta' vjolenza domestika. “Ovvjament dawn l-uffiċċji jkunu miftuħin 24/7 u jkunu mmexxija minn pulizija speċjalizzati fuq dawn it-tip ta' każi, kif ukoll ikun hemm 'social worker' preżenti l-ħin kollu. B'hekk ikun assigurat li rapport jittieħed bl-aktar mod professjonali, fil-privatezza u min-nies kompetenti li jistgħu joffru soluzzjoni.”
‘Il-pagi tal-pulizija huma baxxi’
Il-pulizija ħaddiema bħall-oħrajn. Għaldaqstant nistaqsih dwar il-paga. Meta wieħed jikkumpara d-dmirijiet mal-pagi, Vella jaħseb li l-paga tal-pulizija hija tajba? “Bħalissa ż-żewġ unjins flimkien għaddejjin f'negozjar mal-Gvern sabiex jitħejja ftehim settorjali ad hoc għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Il-pagi tal-pulizija huma pjuttost baxxi għan-natura tax-xogħol li jagħmlu. Pulizija fil-livell ta' kuntistabbli jibda fi skala 14 u jasal sa skala 12, surġent jasal sa skala 11 u spettur sa skala 7.
L-Ispettur Vella jkompli jgħid illi b’differenza għal ħaddiema oħrajn taċ-ċivil il-pulizija jridu jaħdmu 46 siegħa minflok 40. “Jekk ħaddiem taċ-ċivil jaqla €1,000 għal 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa, pulizija jrid jaħdem 46 siegħa biex jieħu l-istess paga. Dan ovvjament jaffetwa r-rata tal-allowances tal-Ħdud u festi u anke r-rata tal-overtime.”
L-Imdina; m’hemmx problemi kbar...
Nitkellmu għal ftit dwar id-distrett tal-ispettur Robert Vella, li apparti l-Ħamrun u Santa Venera jinkludi wkoll ir-Rabat u l-Imdina. Infakkru li skont rapport annwali ta’ Saviour Formosa, l-Imdina kienet il-lokalità ras għal ras li rreġistrat l-akbar ammont ta’ serq.
“Mill-bieb ’il ġewwa m’hemmx problemi,” jgħid Vella li jfakkar illi l-ġonna ta’ barra u t-telgħa tas-Saqajja jgħoddu mal-Imdina. Isemmi l-pickpocketing u jgħid li dan kien beda jiżdied “imma rnexxielna nikkontrollawh, permezz ta’ aktar pulizija. Naqqasna dan l-att kriminali drastikament. Imma, apparti minn hekk m’hemmx xi problemi kbar fl-Imdina,” jgħid filwaqt li jfakkar fil-volum kbir ta’ turisti li jmorru l-Imdina kuljum, speċjalment fis-sajf.

‘Il-Kummissarju Cutajar maħbub mill-membri tal-korp’
Wasalna lejn l-aħħar tal-intervista u ma stajniex ma ndurux fuq il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, fil-mira ta’ ħafna kritika minn bosta.
L-ewwel nett, Vella kif jiddeskrivi r-relazzjoni tiegħu u tal-MPA mal-Kummissarju? “Relazzjoni eċċellenti. Kummissarju li malli daħal fl-uffiċċju mill-ewwel uriena, li jrid jaħdem magħna u mal-unjin l-oħra. Fejn kien hemm problemi minimi bħall-ħinijiet tax-xift, li dwarha ħaddieħor forsi kien qed iġib id-dinja fit-tarf, dan il-Kummissarju ħadhom taħt idejh u rranġa.”
Imma hawn barra teżisti ħafna kritika fil-konfront ta’ Cutajar. Ħafna li jgħidu li huwa inkompetenti. Fi ħdan il-Korp x’inhi l-attitudni lejn il-Kummissarju? Kuntenti bih? Jew iħossu li huwa inkompetenti u għandu jirreżenja?
Vella huwa skjett; “il-membri tal-Korp iħobbuh lil dan il-Kummissarju. Għax huwa umli, tista’ tkellmu u jista’ jkun li dak li kien nieqes qabel, il-Pulizija sabuh f’dan il-Kummissarju.”
“Bla dubju nemmen li l-Pulizija huma kuntenti bil-Kummissarju.”
Apparti l-inkompetenza hemm min jakkużah illi huwa pupu f’idejn il-Gvern. L-Ispettur iħoss li din il-kritika hija ġustifikata?
“Jiena persuna li ma tantx indur mal-lewża u mhux l-ewwel darba li kelli xi ngħid miegħu u fejn ma naqbilx nissuġġerixxi. Imma mal-Kummissarju Cutajar naslu.
“Kulħadd għandu dritt li jgħid li jrid. Meta tkun appuntat Kummissarju tal-Pulizija, kif dejjem ġara, ikun il-Gvern tal-ġurnata li jpoġġik hemmhekk. Allura meta jiġri xi ħaġa fil-pajjiż se jkun aktar faċli li tippunta subgħajk lejn il-Kummissarju, għax huwa aktar faċilment allaċjat mal-Gvern.”
“Cutajar ta risposta kemm ilu fl-uffiċċju; numru ta’ atti kriminali solvuti, titjib fil-kundizzjonijiet tal-pulizija, reati li ġew solvuti. Ovvjament il-kritika la qiegħed hemm jistennieha.”
Imma jaħseb li ġusta? “Aħna meta kien hemm ċertu dimostrazzjoniet quddiem id-depot, bħala MPA, filwaqt li fakkarna li kulħadd għandu dritt jikkritika fakkarna wkoll li ħadd m’għandu jaqbeż il-limitu. Dejjem nissuġġerixxi li l-kritika tkun waħda kalma u li qatt ma jinqabeż il-limitu.”
