Imejls mibgħuta bejn l-2009 u l-2013 jikxfu Ministri u uffiċjali jitolbu xogħlijiet fil-Wasteserve

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u ministri ġew ikkuppjati f'uħud minn dawn l-imejls

L-eks Ministru George Pullicino dak iż-żmien responsabbli mill-Wasteserv
L-eks Ministru George Pullicino dak iż-żmien responsabbli mill-Wasteserv

Numru ta’ imejls ippubblikati jikxfu kif Ministri, Membri Parlamentari, kandidati, uffiċjali f’ministeri u anke diretturi tal-Wasteserv użaw il-pożizzjoni tagħhom bil-għan li jingaġġaw persuni li x’aktarx ma kinux se jivvutaw.

L-imejls, ippubblikati fuq il-gazzetta oħt MaltaToday jmorru lura għall-2009 sa lejlet l-elezzjoni tal-2013.

L-ewwel imejl kienet intbagħtet mis-segretarjat privat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kienet titlob lill-Kap Eżekuttiv ta’ Wasteserv biex jipprovdi mpjieg lil erba’ ‘applikanti.’

Minn din l-imejl, jibdew jintbagħtu ħafna aktar, fosthom minn Ray Bezzina, persuna viċin il-Ministru għar-Riżorsi George Pullicino u anke s-Segretaru Permanenti fl-istess Ministeru, Chris Ciantar.

Imejl partikolari, mibgħuta fis-sajf tal-2009, turi kif il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Josef Gauci, kiteb mill-imejl tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, biex ifakkar lil Marthese Portelli, dak iż-żmien direttur tal-Wasteserv, dwar l-impjieg ta’ erba’ ‘applikanti.’

Din l-imejl, ġiet ikkuppjata wkoll lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi u anke lis-Segretarja tiegħu, Monica Mizzi.

F’dan il-każ, Gauci jitkellem dwar familja Nazzjonalista f’Bormla li kienet lesta ma tivvuttax fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u li talbitu biex it-tifel tagħhom jingħata x-xogħol biex ma jibqax jaħdem fil-kundizzjonjiet li kien qed jaħdem fihom dak iż-żmien.

Jidher li dan ma kienx ingħata l-impjieg u Gauci jerġa’ jikteb u jgħid li minħabba “dawn l-episodji beda jevita ċertu toroq” u jitlob lil Portelli biex tingaġġa lil dan l-applikant, anke jekk kien sar magħruf li ma kienx ingħata x-xogħol għax kien qed jirċievi għajnuna minn ħaddiema soċjali.

Imejls oħra mibgħuta f’Ġunju tal-2010, mill-Ministeru għar-Riżorsi, kienu jitolbu wkoll xogħol għal 18-il persuna oħra fl-impjant ta’ Sant Antnin. 

Apparti dawn, f’Diċembru tal-istess sena, Beppe Fenech Adami, jagħti lista ta’ aktar persuni biex jingħataw xogħol fl-istess impjant. F’dan il-każ, Fenech Adami juża l-imejl privat tiegħu u mhux dak tal-Gvern.

Imejl oħra, mibgħuta f’April tal-2011, turi kif il-Ministru George Pullicino talab xogħol għal wieħed mill-kostitwenti tal-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono.

Apparti dawn, ġew ippubblikati ħafna aktar imejls u fost oħrajn jinvolvu lis-Segretarju Privat ta’ Lawrence Gonzi, Egdar Galea Curmi, il-Membru Parlamentari Frederick Azzopardi u Claudio Grech, eksuffiċjal fil-Ministeru ta’ Austin Gatt u li dak iż-żmien kien imexxi l-MITA, l-Aġenzija Maltija għall-Informazzjoni u t-Teknoloġija.

More in Politika