Meta beda jitkellem f’dibattitu illi qed jitratta l-qasam tas-saħħa u l-kuntratt tal-Vitals Gobal Healthcare, il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar kif kien dan il-Gvern li ħadem u solva il-problema ta’ mediċini out of stock u li beda jitratta il-lista ta’ stennija fl-isptarijiet.
Muscat staqsa x’inhi l-attitudni tal-Oppożizzjoni fil-konfront tas-settur privat fil-qasam tas-saħħa, filwaqt illi sostna li l-Gvern tiegħu jrid jinvolvi lis-settur privat kull fejn huwa possibbli, “u se nkomplu ninvolvuh. Ċerta demonizzazzjoni ta’ kull ħaġa li ġej mis-settur privat hija tal-biża," qal Muscat b'referenza għall-kritika li qed issir fil-konfront tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-VGH u issa, l-bejgħ mill-VGH għal għand Stewrad Healthcare.
Muscat fakkar illi fejn jirrigwarda l-qasam tal-anzjani s-sehem tal-privat kien u għadu ta’ suċċess, f’politika illi fiha l-Gvern jixtri s-sodod mill-privat.
Muscat fakkar ukoll illi l-Gvern ma jkollux flus minn fejn joħroġ €200 miljun kollha f'daqqa. “Allura qed inġibu l-kapital mill-privat. Se nużaw tliet sptarijiet li jew mhux qed jintużaw jew mhux ta’ livell, b’tali mod li n-nies jibdew igawdu llum."
Muscat qal li min qed jikkritka it-€80 miljun li l-Gvern intrabat li jagħti meta jgħaddu t-30 sena u tispiċċa l-konċessjoni lill-VGH u jitfa' ċ-ċifra waħedha, ma jafx x'inhu jgħid u ma jafx jaqra s-sitwazzjoni b'mod korrett. "Issa min se jinvesti €200 miljun se jinvesti t-tagħmir u allura l-Gvern jieħu lura sptarijiet li jiswew ħafna iktar," sostna Muscat. Huwa fakkar allura illi wara l-investiment, il-valur tal-isptar ikun ħafna ogħla mit-€80 miljun li jkollu iħallas il-Gvern.
Aktar tard il-Ministru Konrad Mizzi ikkonferma li l-Gvern intrabat li jħallas 'exit price' u jieħu l-isptar lura, bil-kundizzjoni li dawn ikunu f'kundizzjoni tajba ħafna.
Kien iktar kmieni din il-ġimgħa li l-ġurnal The Times żvela illi fil-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-VGH lura fl-2015, il-Gvern intrabat li fl-aħħar tal-konċessjoni ta' 30 sena jħallas €80 miljun lil VGH.
Il-VGH iddeċidiet li tbiegħ l-art u l-proprjeta' li ntrabtet li tmexxi 21 xahar ilu bis. Il-VGH kienet għal ħafna xhur f'nofs kontroversja. Agħfas hawn biex tara x'ġara fl-aħħar sentejn wara li tħabbar il-bejgħ lil VGH.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Konrad Mizzi, responsabbli għall-iffirmar tal-kuntratt mal-VGH fakkar illi r-riskju tal-proġett huwa fuq is-settur privat. "Hu obbligat li jibqa' jagħmel investiment matul it-30 sena u jgħaddi l-isptarijiet fi stat tajjeb ħafna.
Mizzi għamilha ċara li l-konċessjoni hija ta' 30 sena u mhux ta' 99 sena, kif ġie rrapurtat fuq midja lokali u wiegħed li dan il-proġett permezz ta' public-private-partnership se jkun suċċess.
Intant, il-Ministru Chris Fearne qal illi hu m'għandu ebda problema li jippublika l-kuntratt mal-VGH, ladarba jsir il-bejgħ. Waqt li elenka lista ta' kisbiet ta' Gvern Laburista fil-qasam tas-saħħa u l-investiment li sar fl-aħħar snin, ċaħad illi Barts jistgħu ma jibqgħux Malta u qal li l-Gvern se jkun qed iħabbar investiment ieħor li Barts se tagħmel f'pajjiżna.