Il-Gvern intrabat li jħallas €80 miljun lil Vitals meta l-art u l-isptarijiet jeħodhom lura

Rapporti dalgħodu jgħidu li l-Gvern kien intrabat illi jħallas lil VGH jekk wara 30 sena jerġa' jieħu lura l-art u l-isptarijiet

Ram Tumuluri,  Direttur mal-VGH
Ram Tumuluri, Direttur mal-VGH

Il-kwistjoni tal-Vitals Global Healthcare kompliet tiżviluppa dalgħodu hekk kif rapport fuq il-gazzetta The Times jgħid illi l-Gvern, meta ffirma l-kuntratt mal-VGH li permezz tiegħu din il-kumpanija ngħatat l-art u l-proprjetà għal 30 sena, kien intrabat li jħallas lill-istess kumpanija jekk wara li jispiċċa l-kuntratt jerġa' jieħu lura l-proprjetà. 

L-istess ġurnal qed jirrapporta li l-Gvern, jew kull Gvern mal-għeluq tal-kuntratt, kien qabel li jħallas lil VGH l-ammont totali ta' €80 miljun.

Meta tħabbar it-trasferiment tal-art u l-proprjetajiet lil Vitals Global Healthcare, kien intqal lill-ġurnalisti preżenti illi l-kumpanija kienet ingħatalhom dawn l-assi għal 30 sena. Fl-ebda ħin ma kien indikat li jridu jitħallsu xi flus wara li tispiċċa din il-konċessjoni, jew inkella li l-konċessjoni fil-fatt tista' tkun itwal minn hekk. 

Intant l-istess rapport qed jgħid illi l-kumpanija, li ħabbret l-intenzjoni tagħha li tbiegħ l-art u l-isptarijiet wara biss 21 xahar minn mindu iffirmat ftehim, qed tħallas €309,000 f'ċens kull sena għall-art tal-isptar San Luqa, €59,000 għal Karin Grech u €157,000 għall-isptar ġenerali ta' Għawdex. 

Il-kwistjoni kollha tal-bejgħ ta' dawn l-isptarijiet reġgħet telgħet fuq l-aġenda hekk kif reġgħu qamu diversi mistoqsijiet dwar il-proċess kollu kif ukoll dwar il-kumpanija nnifisha li m'għandhiex 'track-record' fil-qasam ta-saħħa. (Jekk ma tafx x'ġara f'dawn l-aħħar sentejn, agħfas hawn u aqra aktar dwar is-saga tal-VGH). Intant kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat li l-MUMN ma kinitx infurmata dwar dan il-ftehim, li f'kummenti tal-Professur u Membru tal-Bord tal-VGH Albert Fenech, jirriżulta li għadu mhux bejgħ, imma qbil biex isiru negozjati għall-bejgħ." 

Il-Ħadd li għadda il-gazzetta ILLUM żvelat ukoll li l-iskola ta' Barts li għandha kuntratt separat minn dak li sar ma' Vitals, tinsab urtata hekk kif il-binja illi fiha suppost se tibda topera, u li suppost kellha tkun lesta f'Settembru tas-sena l-oħra, għadha fi stadju ta' skavar. 

More in Politika