L-ILLUM hija nfurmata li llum qed jiġi ffinalizzat ir-rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, mid-delegazzjoni tal-MEPs li kienu ġew f’pajjiżna fil-ġimgħat li għaddew. Sorsi fil-Parlament Ewropew li tkellmu mal-ILLUM qalu li dan ir-rapport mistenni li jiġi ppubblikat fis-sigħat li ġejjin.
Huwa mistenni wkoll li aktar tard jiġi ppreżentat fil-Kumitat LIBE għad-diskussjoni u mhux eskluż li jittieħed vot fuqu.
Delegazzjoni ta’ MEPs mill-kumitati LIBE u PANA, mmexxija mis-Soċjalista Ana Gomes kienet żaret Malta sabiex tistħarreġ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, wara vot li kien ittieħed fil-Parlament Ewropew.
Fost il-laqgħat li saru kienu jinkludu lil Prim Ministru, il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-FIAU u l-MFSA fost l-oħrajn.
Id-delegazzjoni kienet għamlet ukoll ‘video conference’ mal-‘whistleblower’ Russa, li kienet għamlet allegazzjonijiet fuq min hu is-sid tal-kumpanija fil-Panama Egrant.
Apparti Gomes, id-delegazzjoni kienet tinkludi lill-MEPs Maria Grapini, Monica Macovei, Ivan Jakovcic, Takis Hadjigeorgiou, Sven Giegold u David Casa.
Ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, kienet tressqet mill-gruppi politiċi kollha barra s-Soċjalisti u d-Demokratiċi u ġiet approvata b’466 favur, 49 kontra u 167 astensjoni. 68 MEP ma kienux ipparteċipaw għall-vot.
Kompli segwi l-ILLUM għal aktar aġġornamenti dwar dan ir-rapport.