Esklussiva | ‘Il-'whistleblower' Russa ma tatna l-ebda dokumenti’

  •  Mal-ILLUM Ana Gomes tiċħad li l-mara wara l-allegazzjoni dwar 'Egrant' għaddiet xi dokumenti lill-MEPs
  •  Tgħid li ma kienx hemm diskussjoni biex tinstema’ l-verżjoni ta’ Michelle Muscat
  • Id-delegazzjoniji ta' MEPs tkellmu mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn tinsab Efimova dwar is-sigurtà tagħha

 

Ana Gomes, Kap tad-Delegazzjoni ta’ MEPs li ġiet Malta fl-aħħar ta’ Novembru, qalet li kuntrarjament għal rapporti f’sezzjonijiet tal-midja u anke fi bloggs lokali Maria Efimova fil-fatt ma għaddietx dokumenti lilha jew lid-delegazzjoni dwar il-famuża kumpanija fil-Panama, ‘Egrant’.

Efimova hija l-‘whistleblower’ li allegat illi fil-kċina tal-Bank Pilatus, fis-safe, kien hemm dokumenti li juru kif il-kumpanija ‘Egrant’ kienet ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.

Kienet l-ILLUM li nhar it-Tnejn li għadda żvelat kif id-delegazzjoni li ġiet Malta fl-aħħar ta’ Novembru li għadda u li stħarrġet is-saltna tad-dritt f’pajjiżna kienu se jitkellmu ma’ Efimova f’‘video conference’, dakinhar stess.

Mal-ILLUM Gomes ikkonfermat li ma’ Efomiva ddiskutew l-mudell ta’ kif jaħdem il-Bank Pilatus u l-kontijiet inkluż ‘Egrant’. 

Għalkemm ma ġietx mistoqsija dwar rapporti lokali, l-MEP Portugiża Gomes sostniet illi kuntrarjament “għal dak li rajt irrapportat f’Malta, Efimova m’għadditilniex dokumenti. Hemm dokumenti li hija qasmet ma’ nies oħrajn imma lilna ma tatniex dokumenti.”

F’kuntatt telefoniku ma’ din il-gazzetta Gomes tkompli tgħid li waqt il-konferenza Efimova għamlitha ċara li hemm affarijiet li ma tistax tikxef jew titkellem dwarhom, anke affarijiet li hemm f’dawn id-dokumenti, minħabba li dawn, qalet Efimova lid-delegazzjoni, għaddiethom lill-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta fuq l-istess allegazzjoni li saret fuq mart il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Għall-mistoqsija tal-ILLUM jekk il-konferenza b’xi mod setgħetx tippreġudika l-inkjesta, Gomes reġgħet sostniet li Efimova “għaddiet id-dokumenti lill-Maġistrat... ma tridx tippreġudika l-inkjesta, għalhekk ma qaltilniex x’hemm fid-dokumenti, kif ma rridux nippreġudikawha aħna.”

Intant il-gazzetta ILLUM staqsiet jekk fid-dawl tan-natura serja tal-allegazzjonijiet ta’ Efimova fil-konfront ta’ mart il-PM Muscat, id-delegazzjoni hix se tkun qed titlob li tisma’ l-verżjoni ta’ Michelle Muscat, Gomes wieġbet hekk; “bħalissa għadna qed niġbru aktar elementi u informazzjoni minn dak kollu li qaltilna Efimova. Qed niġbru l-informazzjoni biex imbagħad f’Jannar niddeċiedu x’azzjoni se nieħdu... imma le, dak li qed tgħid int mhux qed ikun diskuss. Qed inħarsu lejn il-każ imma ma ħadna ebda azzjoni kif qed tissuġerixxi int.”

Din il-gazzetta saħansitra tinsab infurmata li minkejja l-allegazzjonijiet pjuttost serji fil-konfront ta’ Michelle Muscat, li mhumiex marbutin biss mal-kumpanija nnifisha imma wkoll ma’ allegat $1 miljun li għaddew mill-istess kont mill-Ażerbajġan, il-Gvern la kien jaf u lanqas ġie mitlub biex jiddiskuti jew jirribatti dwar dan mal-istess delegazzjoni ta’ MEPs.

Inkwetati dwar is-sigurtà ta’ Efimova

Kmieni x-xahar li għadda rriżulta mill-Qorti li kien ħareġ mandat ta’ arrest kontra Efimova. Il-Maġistrat Joe Mifsud kien dak li ordna li isimha jitpoġġa fuq il-lista ta’ persuni mfittxijin wara li għal bosta drabi baqgħet ma dehritx quddiem il-Qorti. L-Ispettur Jeffrey Scicluna kien spjega illi l-mandat ta’ arrest kien ikkomunikat lill-istati membri kollha fl-Unjoni Ewropea, permezz tas-sistema tax-‘Schengen Alert System’.
Efimova telqet mill-pajjiż u ħadet magħha lill-familja, għalkemm il-Pulizija lokali qalu li ma jafux fejn qiegħda.

Mat-Times ta’ Londra Efimova kienet qalet illi jekk tiġi lura Malta tinqatel u li kienet qalet lil Daphne Caruana Galizia wkoll biex titlaq minn Malta għax inkella jiġrilha l-istess. 

Mal-ILLUM, Gomes sostniet li d-delegazzjoni tinsab ikkonċernata ħafna għas-sigurtà tal-mara u l-familja tagħha u saħansitra żvelat kif sar kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn tinsab Efimova.

“Id-delegazzjoni hija konxja illi Efimova għandha mandat t’arrest u aħna nafu wkoll dwar rikjesti partikolari li jikkonċernaw saħħitha. Aħna nemmnu li Efimova hija element importanti fil-każ u sors importanti ta’ informazzjoni.

Apprezzajna l-kuntatt li kellna magħha,” kompliet tgħid Gomes mal-ILLUM, qabel kompliet tisħaq dwar is-sigurtà tar-Russa. “Ninsabu inkwetati għas-sigurtà tagħha u għaddejna t-tħassib tagħna lill-awtoritajiet.”

Hija ċċarat ma’ din il-gazzetta li d-delegazzjoni tkellmet mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn Efimova qed tgħix illum. “Imma mħassbin dwar is-sigurtà tagħha, dak nista’ ngħidlek.”

Gomes, qalet lil din il-gazzetta illi d-delegazzjoni se tkun qed tirraporta dwar din il-konferenza f’rapport li hi qalet illi se joħroġ din il-ġimgħa.
Intant Gomes kienet fil-fatt l-unika MEP li aċċettat li twieġeb il-mistoqsijiet li għamilna hekk kif il-membri l-oħrajn kollha tad-delegazzjoni ma bagħtux lura t-tweġibiet għat-tliet mistoqsijiet li għamlet din il-gazzetta.

L-unika email li rċevejna mill-membri l-oħrajn tad-delegazzjoni kienet mingħand l-MEP Rumena Monica Macovei, li sostniet illi ma xtaqitx twieġeb il-mistoqsijiet li ntbagħtulha. Hija qalet li ma xtaqitx tagħmel dan, ‘minħabba n-natura sensittiva’ tal-każ.

L-ILLUM staqsiet lill-MEPs li kienu parti mid-delegazzjoni li ġiet Malta, għal konferma li d-delegazzjoni ddiskutiet l-allegazzjoni ‘Egrant’ u jekk Michelle Muscat hux se tkun mistiedna biex tagħti l-verżjoni  tagħha tal-istorja hekk kif hija l-persuna li fuqha qed issir l-allegazzjoni.

Staqsejna jekk id-delegazzjoni tafx li hemm mandat ta’ arrest fuq Efimova u jekk iħossux li l-informazzjoni mogħtija lill-MEP minn Efimova, ippreġudikatx, b’xi mod, il-każ.

Apparti Gomes u Macovei, l-ILLUM bagħtet mistoqsijiet ukoll lil Sven Giegold, Takis Hadjigeorgiou, Ivan Jakovcic u Maria Grapini. Membru ieħor tad-delegazzjoni l-Malti David Casa.

Fuq il-blogg tiegħu nhar il-11 ta’ Diċembru Manuel Delia rrapporta illi Efimova b’mod esklussiv qaltlu li lid-delegazzjoni li kellmet nhar it-Tnejn tathom ‘dokumentazzjoni li kienu fil-pussess tagħha biex ikunu jistgħu jistudjaw l-evidenza ta’ ħasil ta’ flus li jinvolvi persuni esposti politikament (PEPs) fil-bank Pilatus.

Efimova kienet suġġetta ta’ mill-anqas żewġ proċeduri kriminali, fosthom fuq il-bank Pilatus fejn kienet taħdem.

Ana Gomes ġiet intervistata nhar il-Ġimgħa b’mod telefoniku u ġiet irrekordjata.

More in Politika