Jibdew il-laqgħat tal-MEPs li se jistħarrġu s-saltna tad-dritt f'Malta

Il-laqgħat huma intiżi sabiex l-MEPs jistħarrġu s-sistemi finanzjarji u l-applikazzjoni tal-liġi

Mil-lum jibdew il-laqgħat tal-grupp tal-MEPs mill-Kumitat LIBE u tal-PANA li se jagħmlu jumejn f’Malta jistħarrġu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Id-delegazzjoni se tkun qed titmexxa mill-Viċi Chairperson tal-Kumitat PANA is-Soċjalista Ana Gomes, bil-membri l-oħra se jkunu is-Soċjalista Maria Grapini, Monica Macovei mill-Konservattivi, Takis Hadjigeorgiou mix-xellugin tal-GUE, il-kordinatur tal-PANA Sven Giegold mill-Ħodor u David Casa mill-Grupp tal-Paritt Popolari Ewropew.

Din hija t-tieni darba li Gomes u Giegold se jkunu qed jattendu laqgħat f’Malta biex iwettqu stħarriġ peress li kienu parti mill-grupp ta’ MEPs li kienu ġew Malta fi Frar li għadda mill-Kumitat PANA.

Matul dawn il-jumejn laqgħat, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew se tkun qed tiltaqa’ ma’ rapprezentanti mill-FIAU u l-MFSA, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u membri oħra tal-Korp fosthom l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, l-eksimpjegat tal-FIAU Jonathan Ferris, intermedjarji finanzjarji, membri mis-Civil Society Network u ġurnalisti.

Għada l-Ġimgħa mistenni li jsiru laqgħat mal-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u Ministri oħra.

Il-laqgħat huma intiżi sabiex l-MEPs jistħarrġu s-sistemi finanzjarji f’Malta u jekk hix qed tiġi mħarsa l-applikazzjoni tal-liġi u s-saltna tad-dritt.

Dawn il-laqgħat kienu tħabbru ftit tal-jiem wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ iċ-Chairman tal-EPP Manfred Weber talab li matul din iż-żjara f’pajjiżna, l-MEPs ikollhom il-protezzjoni kollha meħtieġa.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-maġġoranza tal-MEPs ivvutaw favur riżoluzzjoni li tressqet mill-gruppi politiċi kollha barra s-Soċjalisti u Demokratiċi dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Din ir-riżoluzzjoni wasslet għal battibekki kbar fost id-delegazzjonijiet politiċi Maltin.

Huwa mistenni li din id-delegazzjoni tlesti rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta wara din iż-żjara li jiġi ppreżentat fil-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew.

Din qed titqies bħala kontinwazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat PANA, li se jagħlaq iż-żmien tiegħu x-xahar id-dieħel u li temm xogħlu bir-rapport li diġá tressaq fil-Parlament Ewropew fil-ġranet li għaddew.

Dan ir-rapport kien ressaq numru ta’ rakkomandazzjonijiet fuq it-tħaddim tas-sistema finanzjarja f’Malta iżda fil-konklużjonijiet kien irrimarka kif il-liġijiet kollha huma konformi ma’ dawk tal-Unjoni Ewropea u tal-OECD.

More in Politika