Wara li l-PE approva r-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta

  • David Casa jsostni li l-kollass tas-saltna tad-dritt mhix b’kumbinazzjoni
  • Alfred Sant jgħid li din ir-riżoluzzjoni tmexxiet minn forzi fi ħdan il-PN

Il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, li ġiet imressqa t-Tlieta li għadda fi tmiem id-diskussjoni li saret waqt is-sessjoni plenarja. Din ir-riżoluzzjoni għaddiet b’466 vot favur, 49 kontra u kien hemm 167 astensjonijiet.

Dan meta kien hemm 68 MEP oħra li ma pparteċipawx għall-vot. Ir-riżoluzzjoni tagħmel referenza għas-sitwazzjoni f’Malta wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u fost l-oħrajn titlob l-Kummissjoni Ewropea tidħol fi djalogu mal-Gvern Malti u tistħarreġ it-tħaddim tas-saltna tad-dritt f’Malta, l-allegat imparzjalità tal-istituzzjonijiet u l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus.

Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti fuq il-qtil tal-Caruana Galizia, filwaqt li tappella lill-Konferenza tal-Presidenti biex kull sena jibda jingħata premju ġurnalistiku li jkun dedikat f’isem il-ġurnalista Maltija. Il-vot ittieħed wara li jum qabel sar dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta li matulha wħud mill-MEPs appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga s-sitwazzjoni f’Malta.

Dan meta l-Kummissarju Ewropew Frans Timmermans saħaq li minn analiżi li wettqet il-Kummissjoni stess jirriżulta li li ma hawn xejn ħażin fl-istituzzjonijiet u li huwa konformi mal-liġijiet Ewropej. Ir-riżoluzzjoni tressqet mill-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew apparti s-Soċjalisti u Demokratiċi.

Dwar dan il-vot fil-Parlament Ewropea fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, l-ILLUM ħadet il-kummenti tal-Kap tad-Delegazzjoni Laburista Alfred Sant kif ukoll tal-Kap tad-Delegeazzjoni Nazzjonalista David Casa.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li l-vot fuq ir-riżoluzzjoni dwar l-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta, imressqa minn numru ta’ gruppi politiċi kien wieħed b’saħħtu. Enfasizza li r-riżoluzzjoni għaddiet b’appoġġ minn deputati Ewroparlamentari minn kull partit politika fil-Parlament Ewropew.

David Casa spjega li din ir-riżoluzzjoni ssejjaħ lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu azzjoni u jinvestiga l-każ tal-Panama Papers, li fi kliemu “tħalla fuq l-ixkaffa b’mod skandaluż”. Qal ukoll li dan meta hemm evidenza li fi kliemu kellha twassal għal akkużi kriminali.

David Casa qal li r-rizoluzzjoni ssejjaħ ukoll lill-Gvern Malti jinvestiga kif il-bank Pilatus qed jopera minkejja dak li ddeskriva bħala “ksur ta’ liġijiet bażiċi”.

Saħaq li l-Kummissjoni Ewropea issa se tidħol f’dibattitu mal-Gvern Malti dwar l-istat tar-rule of law, jew kif inhi magħrufa s-saltna tad-dritt, f’Malta biex tara li l-liġi qed tapplika għal kulħadd bl-istess mod u dan f’kull ħin u f’kull każ.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista sostna li din is-sistema li min qiegħed fil-Gvern u min hu viċin tal-Prim Ministru huwa ‘untouchable’ hija marda li qed iġġib l-istituzzjonijiet ta’ pajjizna fix-xejn u sostna li min jaħseb li l-kollass tas-saltna tad-dritt hija xi ħaġa li ġrat b’kumbinazzjoni jkun qed jiżbalja.

Casa qal li l-Prim Ministru appunta Kummissarju tal-Pulizija u Avukat Ġenerali li fi kliemu, se jobdu u se jimxu mal-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mill-Prim Ministru.

Qal li din ma tiġri fl-ebda pajjiż Ewropew jew demokratiku. David Casa qal li jekk persuna tibqa’ siekta, tkun kompliċi u li ż-żmien tal-inattività spiċċa. Qal li spiċċa wkoll iż-żmien li kollox jgħaddi jew li qisu xejn mhu xejn u sostna li trid tittieħed azzjoni serja u ġusta.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li t-Tlieta li għadda, rajna koalizzjoni ta’ forzi politiċi tikkritika lill-Gvern Malti dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Sant qal li dawn il-gruppi kollha sabu dik li ddeskriva bħala ‘x-xoqqa f’moxtha’ biex Ewroparlmentari wieħed wara l-ieħor jikkritikaw lil Malta.

Alfred Sant qal li fi kliemu dan kien moħmi minn fazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista f’Malta fil-grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Fi kliem Sant, dawn ‘avvelenaw’ lill-Ewroparlamentari barranin bil-għan li  jiddistabilizzaw lil Malta.

L-MEP tal-Partit Laburista qal li din il-fazzjoni b’saħħitha fil-PN taf li tilfet il-poter tal-Gvern u fil-partit u mhix taċċetta t-telfa kbira elettorali fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda.

Alfred Sant enfasizza li d-diskors tal-governanza u tat-‘tax haven’, li ntqal fil-Parlament Ewropew, ġej minn tentattivi li fi kliemu huma partiġġjani u bbażati fuq allegazzjonijiet bla ebda prova ta’ xejn, u magħmula fuq affarijiet li ħafna drabi lanqas jinkollaw flimkien.

Sant qal li l-PPE, li huwa l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew ilu jiddefendi lil Victor Orban tal-Ungerija, li jkun akkużat kontinwament li jikser is-saltna tad-dritt f’pajjiżu u magħhom ingħaqdu l-liberali. Qal li bħalhom għamlu l-Konservattivi li ġew ikkritikati li appoġġjaw lill-Gvern Pollakk, li wkoll huwa akkużat bi ksur tas-saltna tad-dritt.

Sostna li magħhom ingħaqdu l-Ħodor u x-xellug estrem li jikkritikaw lil Malta u joqogħdu jlaqqmuha bħala ‘tax haven’.

Alfred Sant fakkar kif fi tmiem id-dibattitu, il-Kummissarju Frans Timmermans kien kategoriku fir-reazzjoni tiegħu dwar l-attakki li saru fuq Malta. Sant qal li r-riżoluzzjoni għaddiet iżda dan mhux se jwaqqaf lill-Gvern Malti milli jkompli jaħdem biex idaħħal aktar riformi soċjali, b’bilanċ u kuraġġ.

X’se jiġri issa minn din ir-riżoluzzjoni?

Ir-riżoluzzjoni kif għaddiet mill-MEPs fil-Parlament Ewropew issa se tmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew, fejn jiltaqgħu l-Prim Ministri tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Din mhux l-ewwel darba li saret talba lill-Kummissjoni Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex jistħarrġu s-saltna tad-dritt f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Open Democracy kienu bagħtu ittra ffirmata minn 188 akkademiku fejn kienu talbu li tiġi mistħarrġa s-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea u dan b’mod speċjali wara dak li kien seħħ fir-reġjun tal-Katalonja wara r-referendum għas-separazzjoni minn Spanja.

More in Politika