Il-Kummissjoni Ewropea qed tqis ir-referendum li sar fir-reġjun tal-Katalunja għall-indipendenza minn Spanja bħala wieħed illegali.
Il-Kelliem tal-Kummissjoni qal li r-referendum ma sarx skont il-kostituzzjoni ta’ Spanja u li kieku dan ir-reġjun isir indipendenti mhux se jkun awtomatikament membru tal-Unjoni Ewropea.
Qal li mhux minnu li l-Kummissjoni Ewropea irreaġixxiet tard ħafna u enfasizza li l-affarijiet fi Spanja għadhom qed jiżviluppaw.
Huwa tkellem ukoll fuq il-vjolenza li seħħet waqt ir-referendum u sostna li l-vjolenza qatt ma tista’ tkun strument politiku.
Il-Kelliem qal li fi Spanja wasal iż-żmien li flok il-konfrontazzjoni, dawk kollha nvoluti għandhom iduru madwar mejda biex jiddiskutu għall-paċi.
Il-President tar-reġjun tal-Katalunja Carles Puigdemont appella direttament lill-Unjoni Ewropea wara l-Pulizija użat il-forza biex twaqqaf lin-nies milli jivvutaw fir-referendum għall-indipendenza.
Qal li l-Unjoni qatt ma tista’ tagħlaq għajnejha jew tħares band’oħra għall-uġigħ tan-nies.