Stalemate fil-ħatra tal-Prim Imħallef
Jidher li l-Prim Imħallef attwali Mark Chetcuti se jkollu jibqa’ fil-kariga għax s’issa għad m’hemmx qbil politiku fuq il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.
Jidher li l-Prim Imħallef attwali Mark Chetcuti se jkollu jibqa’ fil-kariga għax s’issa għad m’hemmx qbil politiku fuq il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.
Il-Kap tal-PN, Alex Borg, qed jevalwa ismijiet ġodda hekk kif jaf li l-Prim Ministru Robert Abela qed jaffaċċja kriżi li tista’ ġġib magħha elezzjoni bikrija lejn l-aħħar ta’ Mejju.
Nies viċin ta’ Alex Borg li tkellmu mal-gazzetta oħt, MaltaToday, qalu li huma mhux se jaqblu ma’ ismijiet ġodda mingħajr raġuni, u li huma jippreferu s-sitwazzjoni kif inhi flimkien ma’ diskussjoni wiesgħa fuq tibdiliet kostituzzjonali.
Huma rrikonoxxew li n-nomina tal-Prim Imħallef, flimkien ma’ dak li kixef l-Imħallef Wenzu Mintoff fi stqarrija ġuramentata li bagħat lill-Kabinett, ippreżentawlhom opportunità politika tad-deheb.
Min-naħa l-oħra, kollega viċin tal-Imħallef Mintoff qalet lill-istess gazzetta li Mintoff huwa maħruq bil-kummenti li għamel il-Prim Ministru fuq l-istazzjonONE TV nhar il-Ġimgħa fejn insinwa li l-PN u Mintoff kienu qed jaħdmu flimkien, kif ukoll li l-ittra tiegħu ħarġet flimkien man-nomina tal-PN.
“Hu qatt ma kkuntattja lill-PN u ma kienx hu li bagħat l-ittra lill-midja. L-insinwazzjoni li l-ittra kienet miktuba u żvelata flimkien man-nominazzjoni hijawaħda skoretta għall-aħħar. Isem Mintoff kien issemma ħafna qabel l-ittra kienet miktuba.”
Is-sors kompla jgħid li Mintoff jinsisti li hu qatt ma talab biex jiltaqa’ ma’ Robert Abela, anzi kien il-Prim Ministru li stiednu sabiex jiltaqgħu u li Mintoff kien għajnu mimlija li l-Prim Ministru kien se jgħidlu f’din il-laqgħa li kien intlaħaq qbil fuqu bħala n-nomina.
L-istess sors ammetta li d-dinamika bejn it-tnejn li huma qatt ma kienet waħda tajba, u din tmur lura għal meta l-familja ta’ Abela kienet meqjusa bħala waħda mill-għedewwa tal-Partit Laburista, u għalhekk Mintoff kien sorpriż bil-laqgħa.
“Mintoff ma setax jifhem għala kien issejjaħ għal din il-laqgħa u ntqalu ċerti affarijiet. Hu ma setax jifhem ukoll għala Abela ħaseb li l-laqgħa marrettajjeb.”
Meta mistoqsi kif Mintoff kien se jirreaġixxi għall-investigazzjoni mill-ħabib kbir tiegħu Toni Abela li bħalissa qed iservi bħala l-Kummissarju tal-Istandards għall-Ġudikatura, l-istess sors qal skjettament, “Dik mistoqsija interessanti. Lanqas nista’ ngħidlek x’se jsir issa.”
“Jaf x’qed jagħmel”
Carm Mifsud Bonnici, membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, qal lil din il-gazzetta li lil Wenzu Mintoff ilu jafu għal ħafna snin.
“Wenzu jaf x’qed jagħmel perfettament, u li għamel huwa pass loġiku għalih,” qal.
Mifsud Bonnici insista li l-Prim Ministru ma jmissu qatt iltaqa’ ma’ Mintoff, qallu x’qallu f’dik il-laqgħa ta’ bejniethom.
“Il-politiċi u l-ġudikatura m’għandhom għalfejn qatt jiltaqgħu wara bibien magħluqa. Din mhix ottika tajba għall-independenza tal-ġudikatura.”
Fuq l-għażla tal-Prim Imħallef, Mifsud Bonnici qal li ma jistax jemmen kif din spiċċat fi ġlied bejn il-partit u taħwida sħiħa.
Qal li kien hemm “mismanagement totali” fuq kif ġew preżentati l-persuni nominati. Sostna li l-Prim Ministru seta’ mill-ewwel preżenta lill-Oppożizzjoni xi tliet ismijiet biex jiġu kkunsidrati ħalli b’hekk l-Oppożizzjoni kienet tagħżel wieħed minnhom u jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat.
“Din m’għandhiex tkun logħba politika u nittama li la Abela u lanqas Borg mhuma tal-ħsieb li l-għażla tal-Prim Imħallef se jkollha xi tip ta’ impatt fuq il-voti f’elezzjoni ġenerali,” qal.
Mifsud Bonnici qal li Malta m’għandniex mijiet ta’ ġudikanti u kulħadd jaf il-kwalitajiet ta’ kull imħallef. Iżda l-ismijiet bdew jissemmew qishom qed jiġu mitfugħa fl-arena, bħal fi żmien ir-Rumani, għall-intratteniment tal-pubbliku.
“Il-Prim Ministru, kieku ried, seta’ mexa mod ieħor,” qal. “Seta’ qabbad kummissjoni biex tidentifika shortlist ta’ mħallfin li jkunu tajbin għall-ħatra biex imbagħad iż-żewġ partiti jiddiskutu dawk l-ismijiet sakemm jaqblu fuq wieħed.”
Qal li Abela seta’ wkoll jitlob lill-ġudikatura stess biex jippreżentaw żewġ ismijiet għall-kunsiderazzjoni taż-żewġ partiti.
“Hemm tant nies tajbin, ma nistax nemmen li qegħdin f’din is-sitwazzjoni,” qal Mifsud Bonnici. “U l-Prim Ministru għandu jinduna li iktar ma tingħalaq malajr din il-kwistjoni, iktar aħjar.”
Rikatt
L-ILLUM kellmet ukoll lill-Eks Ministru Laburista Evarist Bartolo, li qal li kien jistenna aktar maturità u sens ta’ stat u ta’ responsabbiltà nazzjonali mill-Prim Ministru u mill-Imħallef Wenzu Mintoff.
“Min iħallat kwistjonijiet personali ma’ ħatriet istituzzjonali jiċċekken,” qal.
Hu insista li l-kunsens ta’ żewġ terzi biex jinħatar il-Prim Imħallef m’għandux jinbidel f’rikatt.
Bartolo ssuġġerixxa li jkun hemm mekkaniżmu biex xħin tintuża b’mod ġenwin il-proċedura għall-ħatra u xorta ma jintlaħaqx qbil, il-ħatra ssir u ma jkunx hemm paraliżi istituzzjonali.
“Għandna repubblika adolexxenti u ħasra li l-partiti ewlenin għadhom partiġġjani iżjed milli nazzjonali f’mumenti bħal dawn,” qal.
