Opinjoni | Inħarsu lejn il-futur

L-opinjonista Joe Ellis jisħaq dwar l-importanza ta' Partit Nazzjonalista li jirbaħ lil Muscat mhux billi jimitah imma billi joffri viżjoni għal Malta

Żewġ Ħdud ilu, saru elezzjonijiet komunali f’bosta bliet Taljani illi fihom il-Partit Demokratiku ma mar xejn tajjeb. Għalkemm il-Moviment 5 Stelle l-anqas ibbrilla, jidher illi l-grillini appoġġjaw bis-sħiħ il-partiti taċ-ċentru lemin illi affermaw ruħhom anke fi bliet illi ilhom minn żmien żemżem immexxijin mix-xellug bħal Ġenova u Sestri San Giovanni fil-perferija ta’ Milan. Dan ir-riżultat qares għall-partit ta’ Renzi ġiegħel lill-ewwel segretarju tal-PD, l-eks sindku ta’ Ruma, Walter Veltroni jirrifletti illi l-Italja għandha maġġoranza naturali ta’ nies illi jappoġġjaw iċ-ċentru lemin. 

Dina l-osservazzjoni ġegħlitni nsaqsi: u f’Malta x’inhi l-maġġoranza naturali tal-elettorat? Dana speċjalment invista tal-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali u  tal-Parlament Ewropew illi ntrebħu bil-kbir mill-Partit Laburisti. Meta l-Partit Laburista qiegħed jaqta’ lil dak Nazzjonalista b’marġni mhux tas-soltu ta’ mill-anqas 35,000 vot, konklużjoni naturali tkun illi effettivament f’Malta hawn maġġoranza naturali Laburista.

Jista’ jkun illi fil-fatt hawn dina l-maġġoranza naturali Laburista. Vera illi qed isir ħafna diskors illi l-ekonomija sejra tajba u hawn il-flus fl-idejn. Imma anke meta Malta kienet mgħarrqa bix-xogħol fl-era Nazzjonalista, il-PN qatt ma ttrijonfa kif qed jagħmel il-PL illum. Anzi l-elezzjoni tal-2008 rebaħha b’marġni tassew żgħir ta’ xi 1,500 vot u xogħol ukoll kien hawn dakinhar.

Personalment, ma neskludix illi tassew teżisti maġġoranza naturali Laburista fil-pajjiż. Imma jekk dan hu l-każ, ma nemminx illi dan il-fatt waħdu jispjega l-entità tar-rebħiet Laburisti. Forsi jispjega għala r-rebħiet Nazzjonalisti ma kinux tal-istess daqs bħal dawk Laburisti meta n-Nazzjonalisti kellhom ir-riħ fil-poppa. U għala kellhom jitħabtu sabiex iwettqu l-aktar bidla fundamentali f’pajjiżna wara l-Indipendenza, id-dħul ta’ Malta fl-UE. Illum meta wieħed jara xi bandiera tal-Ewropa mwaħħla mal-faċċata ta’ xi każin Laburista, ma jistax ma jiftakarx illi ftit snin ilu l-istess faċċati kienu jwissu lill-poplu illi bid-dħul ta’ Malta fl-UE ser nirriskjaw illi jkollna ż-żwieġ bejn l-omosesswali u l-abort.

Muscat irid iħallas prezz għal dan in-nuqqas ta’ viżjoni u l-PN irid ikun pront bil-viżjoni tiegħu sabiex jilqa’ għal dawn l-isfidi kbar illi għandna quddiemna minkejja illi ma nagħtux kashom Joe Ellis

Li naħseb illi hu fatt f’pajjiżna hu illi f’Malta hawn maġġoranza illi temmen fil-kapitaliżmu bl-anqas rażan possibli kif qed jipprattika dan il-gvern. Naħseb illi parti essenzjali tas-suċċess politiku ta’ Joseph Muscat u l-Partit Laburista tiegħu hi illi waqt illi żamm l-appoġġ tal-klassijiet soċjali illi tradizzjonalment kienu l-aktar jappoġġjaw lill-PL infiltra sew f’dawk il-klassijiet illi min-naħa tagħhom kienu dejjem jappoġġjaw lill-PN u huma dawn illi qegħdin jikkontribwixxu għall-entità tas-suċċessi Laburisti. Meta wieħed iqis il-kuntratturi, l-iżviluppaturi, is-sensara, il-periti, in-nutara, il-bejjiegħa tal-passporti, tal-ħwienet u oħrajn illi abbandunaw il-PN m’għandux jiskanta wisq bir-riżultat elettorali. Anzi l-marġni tar-rebħa seta’ kien akbar kieku l-PN ma kellux kampanja diċenti u ma qamitx il-kwistjoni tal-korruzzjoni. Għax meta wieħed iqis l-ammont tal-pjaċiri illi saru mill-Gvern Laburista matul is-snin u speċjalment fl-aħħar xhur, wieħed m’għandu jiskanta b’xejn. Fi żmien fejn l-ekonomija qiegħda ddur, mhux bħalma kienet fl-2013 u l-power of incumbency hija f’idejn il-Gvern Laburista illi l-filosofija tiegħu tidher illi hi illi jipprova jaqdi lil kulħadd irrispettivament mill-kulur tiegħu, ma kienx impossibbli illi fil-fatt il-maġġoranza Laburista tkun akbar milli kienet fl-2013.

Ir-riżultat elettorali ovvjament poġġa lill-PN f’sitwazzjoni diffiċilissima, speċjalment wara r-riżenja en bloc tal-grupp tat-tmexxija u tal-kap Simon Busuttil. Kemm kienet għaqlija din ir-riżenja tad-diriġenti tal-partit, wieħed irid jara ’l quddiem. Ir-rebħa għandha elf omm imma t-telfa hija orfni. U issa ovvjament kulħadd jipponta subgħajh lejn dak u dik waqt li qed nistennew il-Messija, il-mexxej il-ġdid illi ser joħroġ il-poplu Nazzjonalista mid-deżert.

Għalkemm għadu ftit kmieni u s’issa għadhom iddikjaraw illi ser itellqu għall-Kap tnejn min-nies biss, diġà beda jsir ħafna diskors dwar x’għandhom ikunu l-attributi tal-mexxej il-ġdid sabiex jirnexxielu joħodha ma’ Muscat. Sfortunatament huwa sintomatiku taż-żminijiet illi l-kritika illi ssir lil Simon Busuttil hija illi kien mehdi wisq fuq il-korruzzjoni u l-onestà fil-politika u illi ma kienx komunikatur tajjeb. Verament, l-abbilitajiet rettoriċi ta’ Busuttil mhux dejjem kienu għall-altezza għalkemm dejjem kienu qed jitjiebu. Naħseb illi l-fatt illi Busuttil qatt ma pprattika l-qorti xekklu fil-mod kif ipproġetta ruħu u aġixxa.   Imma l-anqas mhu ġust illi wieħed jgħid, kif jingħad anke fil-każini Nazzjonalisti, illi l-PN ma kellux proposti u kien biss idoqq id-diska tal-korruzzjoni għax dan mhux il-każ. Li forsi kien nieqes mill-kampanja tal-PN kien illi ma kinetx pożittiva biżżejjed. 

M’hemmx dubju illi fid-dinja medjatika tal-lum, l-abbiltajiet komunikattivi ta’ mexxej huma ferm meħtieġa. Imma fuq kollox il-mexxej il-ġdid irid ikollu viżjoni ta’ fejn irid iwassal il-partit u fuq kollox il-pajjiż. Tajjeb illi wieħed jgħid illi jrid jara xi jridu n-nies u illi jibni pontijiet imma dan mhux biżżejjed. Jekk il-mexxej il-ġdid mhux ser ikollu viżjoni alternattiva għal dak li qed joffri Muscat, hu destinat illi jfalli.

Personalment, ma neskludix illi tassew teżisti maġġoranza naturali Laburista fil-pajjiż. Imma jekk dan hu l-każ, ma nemminx illi dan il-fatt waħdu jispjega l-entità tar-rebħiet Laburisti. Forsi jispjega għala r-rebħiet Nazzjonalisti ma kinux tal-istess daqs Joe Ellis

Mhux faċli illi wieħed joħroġ b’din il-viżjoni għax pajjiżna laħaq ħafna mill-milestones illi kellu. Anke ż-żwieġ bejn il-koppji omosesswali hu wieħed minn dawn il-ġebliet għalkemm nirrisenti l-mod kif qed tinbidel il-liġi. Fiż-żmien, id-dissidenti kienu dawk li jmorru kontra l-kelma tal-knisja; illum id-dissidenti huma dawk illi jazzardaw ma jaqblux ma’ dak li jixtieq il-lobby tal-LGBTIQ. 

Imma ċertament illi għad fadlilna bosta ġebliet oħra x’nilħqu. Meta waqa’ l-ħajt ta’ Berlin, kien hemm min ażżarda jgħid illi l-istorja issa kienet ser tieqaf.  Ma setax ikun aktar żbaljat. U l-istess jista’ jingħad għal pajjiżna. Il-fatt illi dħalna fl-UE, adottajna l-ewro, dħalna fiż-żona Schengen u issa kellna l-presidenza tal-UE li rnexxiet ma jfissirx illi lħaqna l-ġebliet kollha. Mgħammxin kif aħna bil-ġid materjali, irridu naraw kemm is-sitwazzjoni attwali hija sostenibbli. Wisq nibża’ illi l-gvern ta’ Muscat f’xi ħin jew ieħor ser jgħarrilu kollox għax ma jistax ikun illi jaqdi lil kulħadd, idaħħal mal-gvern lil min irid, jagħti promozzjonijiet bl-addoċċ u kuntratti lil min irid mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi f’xi ħin jew ieħor. S’issa kellu konverġenza ta’ fatturi ekonomiċi favorevoli illi ħjewh bil-kbir imma x-xorti f’xi ħin jew ieħor tbiddel ir-rotta. U l-PN irid ikun fuq saqajh sabiex jisfrutta l-ixquq illi inevitabbilment ser jidhru fit-tempju Laburista.

Jiena nawgura illi fit-tellieqa għall-mexxej ġdid Nazzjonalist, il-kontendenti li ħarġu jew li ser joħorġu jkunu animati mhux mill-ambizzjoni personali tagħhom imma mill-ħerqa biex iservu l-partit u l-pajjiż. Nawgura wkoll illi fix-xahrejn li baqa’ qabel mal-Kunsill Ġenerali jnaqqi l-lista ta’ kontendenti għal tnejn, jiġbru madwarhom numru ta’ ħassieba ħalli jlaħħmu l-viżjoni tagħhom għall-futur. Illum ħadd mhu ser joħlom illi nidħlu fl-Ewropa imma ċertament nistgħu noħolmu illi nagħmlu l-Ewropa aktar effettiva. Jew illi nisfruttaw aktar l-opportunitajiet immensi tal-Ewropa illi ħafna drabi qed nittraskuraw. Nieħdu l-każ ta’ Helena Dalli: ħadmet bis-sħiħ sabiex tippromwovi d-drittijiet tal-omosesswali imma x’għamlet sabiex isseddaq il-qasam tal-konkorrenza fil-pajjiż? Ftit li xejn jekk irrid inkun ġeneruż u dan għad-detriment tal-konsumatur li wara kollox hu ċittadin ukoll u jista’ jkun omo jew eterosesswali.

Imma l-anqas mhu ġust illi wieħed jgħid, kif jingħad anke fil-każini Nazzjonalisti, illi l-PN ma kellux proposti u kien biss idoqq id-diska tal-korruzzjoni għax dan mhux il-każ Joe Ellis

Min ser jieħu t-tmexxija tal-PN jeħtieġ ikollu viżjoni għal Malta tal-ewwel nofs tas-seklu wieħed u għoxrin: pajjiż illi jrid jaffaċja l-isfidi tal-immigrazzjoni, tat-tnaqqis tar-rata ta’ fertilità, tal-bdil tal-klima, taż-żernieq tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika, tal-gwerer ċibernetiċi u affarijiet oħra illi l-bniedem fit-triq mhux dejjem ikun konxju minnhom imma illi ċertament ser jolqtuh u bil-kif. Ma tantx nara l-gvern ta’ Muscat iħabbel moħħu fuq dawn l-affarijiet għax li jinteressah hu dak li hu issa u mhux l-imbagħad.  F’xi ħin u ieħor, Muscat irid iħallas prezz għal dan in-nuqqas ta’ viżjoni u l-PN irid ikun pront bil-viżjoni tiegħu sabiex jilqa’ għal dawn l-isfidi kbar illi għandna quddiemna minkejja illi ma nagħtux kashom.            

Jekk min irid jilħaq kap tal-PN fi ħsiebu biss illi jimita lil Muscat u jirbaħlu billi jilgħab l-istess logħba tiegħu, ser ikun jagħmel disservizz lill-partit u lill-pajjiż. Għalhekk il-ħtieġa ta’ viżjoni ċara u futuristika ta’ fejn il-pajjiż irid imur. Għax hu biss jekk il-pajjiż jibqa’ jkollu suċċess ekonomiku illi l-gvern tiegħu jkun jista’ jibqa’ jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ Ċikku u Ċikka l-Poplu. Muscat sab is-sodda mifruxa u b’ċirkostanzi ekonomiċi favorevoli, seta’ jaqta’ l-ispiża kapitali u jroxx sabiex isaħħaħ l-appoġġ. Imma jekk l-ekonomija ma tibqax iddur, u t-tnaqqis tal-ispiża kapitali ma jgħinx żgur, il-poplu żgur li ser tonqoslu l-ħeġġa lejn Muscat. 

Ikun wasal il-mument għal mexxej u partit ġdid fit-tmun.                                                                                                                 

More in Politika