‘Issa kważi l-ħin li nilħquhom...wasal il-mument li ngħadduhom’

F’Tas-Sliema, Simon Busuttil iwiegħed it-trasparenza, l-meritokrazija, l-accountablity u zero tollerance għall-korruzzjoni

F’indirizz lil eluf ta’ nies li attendew il-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wiegħed il-prinċipji li kien tela’ bihom il-Gvern Laburista lura fl-2013. F’appell indirizzat lil-‘Laburisti mweġġgħin’, Busuttil qal li jekk “tpoġġu l-fiduċja fil-Forza Nazzjonali, nagħtukom dak li xtaqtu fl-2013. Immexxu Gvern li verament jara li Malta tkun Tagħna Lkoll. Inwiegħdukom li tista’ ma taqbilx magħna, imma tista’ taħdem magħna, inwiegħdu zero tollerance għall-korruzzjoni, inkunu favur it-trasparenza, nagħtu Gvern li jkun accountable, gvern li jirrispetta l-meritokrazija.” Busuttil kompla jinsisti li lura fl-2013, “Muscat wegħedkom dawn l-affarjiet, u wara li tajtuh il-vot, remiekom. Imma aħna mhu se narmukom qatt, għax aħna nkunu hemm għal kulħadd.”

Waqt mass meeting f’Dingli Street f’Tas-Sliema, Simon Busuttil sostna li fadal ħafna xogħol xi jsir fl-aħħar sebat ijiem u qabbel il-vjaġġ tal-PN ma’ maratona li issa fadal biss l-aħħar ftit, waqt li saħaq li, “issa kważi l-ħin li nilħquhom, u wasal il-mument li ngħadduhom. Jeħtieġ li f’dawn is-sebat ijiem kulħadd jagħmel sforz u l-aħħar imbuttatura biex naslu.”

Il-kap tal-PN insista li fehem lill-iswitchers li kienu vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, waqt li żied jgħid l-akbar difett tal-PN kien li, “aħna ma konniex biżżejjed hemm għalikom. Nifhem li dan kien difett kbir u nwiegħed li dan fhimieh u l-lezzjoni tgħallimnieha.” Busuttil kompla b’appell sabiex dawn jerġgħu jirritornaw mal-Partit Nazzjonalista u l-Forza Nazzjonali, “biex tivvutaw mhux daqstant għall-Partit Nazzjonalista, imma għal din il-forza tal-poplu u għall-pajjiżna.”

Waqt il-mass meeting li l-Partit Nazzjonalista organizza f’Tas-Sliema, tkellem ukoll iċ-chairman tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber, li qal li pajjiżna għandu bżonn il-bidla, u li teħtieġ lil Simon Busuttil. Meta tkellem dwar il-korruzzjoni, Weber qal li, “dan l-aġir mhux Malta, il-korruzzjoni mhix Malta u Joseph Muscat mhux Malta. Malta jixirqilha futur aħjar. Naf li Simon huwa bniedem onest u raġel ta’ integrità. Huwa mexxej ta’ vera,” temm jgħid Weber.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia, li wkoll indirizzat il-Mass Meeting, iddeskriviet lill-Kap tal-Oppożizzjoni bħala eroj Malti, għaliex “Simon Busuttil kien lest jidħol għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, u mhux biss għall-Partit tiegħu.” Żiedet tgħid li l-aħħar Gvern Laburista li kien stabbli, kien fl-1976, “għaliex anke dan il-Gvern li kellu maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet, kellu jinżel wara erba’ snin.” Kompliet tgħid li kulma għamel dan il-Gvern tul l-aħħar erba’ snin kien li “biegħ dak kollu li bena l-PN.”

More in Politika